Kemm se ndum nostor
il-velenu li qed joqtolni minn ġewwa,
u naħbi żrara żrara
li ġew imwaddba lejn wiċċi?
Meta l-bewwiela tibqa’ tissaqqa,
u jiena ma jkunx imissni mqar naqra.
X’jiswew xhur sħaħ thejji għall-biegħa
u f’temm ta’ siegħa
tintebah li ma tiswiex aktar mit-trab tal-qiegħa?
għax jien traba
tista’
tonfoħ
u ttajjarni
tista tirfisni
u mbagħad iknisni
tista’ tgħid
li t-trab tar lejn wiċċek
imbagħad ma taranix
għax jien traba
imma tinsiex
li
xi darba trab kont
u trab terġa ssir