Mistrieħ
għall-kenn
mill-qilla tar-riħ.
Mistrieħ
għajjien
jiem naħdem qatigħ.
Iżda mwarrab u waħdi nqum mit-tajn,
nittajjar fil-baħħ bħal gawwi f’maltemp.
U straħt f’nofs xtajta bla żiffa bla riħ
’il bogħod mill-hemm u minn min tani l-ġenb.
Terraqt jiem sħaħ fix-xagħri w qalb l-għoljiet
fis-skiet naħbi kull demgħa fil-ħamrija
li saqqiet kull warda li lħaqt kabbart,
minkejja r-riħ kiefer jonfoħ kontrija.
Mistrieħ
fis-skiet
ta’ lejla sajfija.
Mistrieħ
mill-hemm
bih qalbi mifnija.