Meta nistrieħ, nieklu flimkien

Le ma nistgħux nistrieħu flimkien ħabib
jekk matul il-mixja jien ġrejt kemm flaħt
sakemm int bqajt b’pass kajman.
Ma nistax nerfagħlek is-salib tiegħek ukoll
jekk sakemm sibt Ċirinew jerfagħhulek
jien kont mimdud taħtu.
Ma nistax nagħtik tixrob mit-tazza ilma tiegħi
jekk meta ma kellix biex nitrejjaq,
int kont fis-sakra.

Imma meta nistrieħ
mhux se nagħmel bħalek.
Mhux se nħallik ixxomm ir-riħa tal-ikel
u tibqa’ bil-ġuħ.
Mhux se nħallik bix-xabla fuq rasek
bħalma kont jien.
Xi darba għad jien u int ukoll ħabib
nieklu flimkien.

Il-Pont, Lulju 2019

⟵ Lura