Meta l-qamar iħares lejk b’ħarsa ta’ żeblieħ.
Meta tkun fl-ilma tipprova titla’ ‘l fuq.
Fgat taħt il-pressjoni tal-ilma
u ħama li ma jħallunix nara d-dawl.
Id-dmugħ jitwaħħad mal-ilma
u jisfaxxa fix-xejn.
U ngħajjat ma nistax.
Meta jdejja jkunu jridu jitilqu l-ħabel
u ma nitlax ’il fuq.
Meta l-qamar iħares lejk b’ħarsa ta’ żeblieħ.
Meta nibża’ li nitla’ f’wiċċ l-ilma
u nara d-dlam.
Xehir fis-skiet minn qalbi mfarrka
u pulmuni fgati
li sebqu l-għana ħelwa
li kienet toħroġ minn fommi
u sserraħ lill-istess qalbi.
Imma
dil-ħarsa għad tintemm.
Il-qamar għad jitbissimli.
Li kieku stajt
niġbor żrara żrara
li fixkluk waqt il-mogħdija.
Li kieku stajt
nagħtik tila biex fuqha tħażżeż
pinzellati tqal u ħoxnin.
Anke jekk twaddabli ż-żebgħa.
Li kieku dawk l-idejn li ħassejt jifgawk,
stħajjilthom imellsuk.
Iva… kultant trid taħrab,
imma mhux għal dejjem.
Kieku nista’…
niġbor farka farka minn dak li fadal,
u ngħaqqadhom biċċa biċċa.
Festival tal-Mediterran Open Mic 26 t’Awwissu 2021
L-ewwel parti “Meta l-qamar iħares leak b’ħarsa ta’ żeblieh” dehret fir-rivista Il-Pont, Ġunju 2020 u Muża Karkariża (Facebook), 10 ta’ Mejju 2021
/ – – / – / – – /-
/ – – / – / – – /-
/ – – / – / – – /-
/ – – / – / – – /-