Jiena Jien

Le.
Jien ma ninċensax ’l-allat
biex nindilek biż-żejt.
Ma nbaxxi rasi
quddiem l-ebda xbieha tad-deheb tal-baaliżmu
biex ma nbatix in-nixfa tad-deżert.
Ma nixrobx mix-xmara ta’ Lethe
biex ninġarr fuq karru rjal
fejn iridni ħaddieħor.
M’iniex bħal passaport anonimu
li jiġi ttimbrat u użat.
Ma nċedix bħal Pilatu quddiem l-għajjat tal-folol,
waqt li naqdi kemm ’il Kajfa u kemm ’l Erodi.

Le.

Jien bħal qamħa solitarja f’raba’ bagħli
li titla’ saħansitra minn qalb is-sikrana.
M’iniex bħal dik iż-żerriegħa li tinġarr mar-riħ
u tinżera’ mqar jekk fil-mogħdija.
Saħansitra jekk jitqawwa r-riħ
u jnaddaf il-qigħan
jien bħal siġra b’għeruq fil-fond
li ma titħarrikx
u tissaqqa bl-ilma safi
li tagħtiha n-natura.

Raddiena ta’ Lwien, 2015; Versi, 2013/3

⟵ Lura