Lill-Fjamingu li nqatel ilbieraħ
Kont ili nistenniek
wara dan il-vjaġġ twil
sa ma tasal issib ftit tal-kenn
għajjien.
Imma le.
Tiġix hawn
tpaxxina biż-żifna tiegħek
u r-ritmu ta’ ġwenħajk.
Le.
Ma rridx nara lewnek
jiċċappas bl-aħmar;
vittma tal-egoiżmu ta’ xi wħud.
Le.
Ma rridx nara l-ilma safi
li rsaqt lejh għatxan
jiddardar bid-demm.
Ma rridx narak
bħal katavru mummifikat.
Tiġix hawn
tidħol f’din l-art
li għalik hija pprojbita,
imma kompli
ttajjar ħieles,
għalkemm għajjien.
U ngħidlek biss,
Is-Sliem.
Kaċċa, 2016