Kompożizzjonijiet Organiċi 

Charles Briffa 

(studju fuq il-ġabra online Ċrieki ta’ Omar Seguna)

Introduzzjoni

Il-letteratura immaġinattiva online ta’ Omar Seguna tħaddan għarfien psikoloġiku, verità fattwali, ħsejjes, u dehriet viżwali li jħajruna nirriflettu fuq l-istil mentali tal-poeta. U dan iwassalna sabiex niflu ftit in-natura partikulari tal-poeżija tiegħu. 

Forsi hawn min jistaqsi: Wieħed li hu speċjalizzat fil-qasam tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (iggradwat fl-Information Technology) u li jħabrek ħafna fil-qasam tal-Internet (l-erja tar-riċerka tiegħu tinkludi l-isfidi pedagoġiċi tal-kompjuter u jmexxi korsijiet ta’ trejning fl-ICT), għaliex idur għall-poeżija? It-tweġiba immedjata tiegħi hija: Għax hu bniedem u membru ta’ soċjetà. Il-moħħ teknoloġiku jisfoga l-istħajjil tiegħu fil-poeżija, u joħloq forom bħall-poeżija konkreta jew il-poeżija proġettiva li juruna l-awtur kif jifhem xi kunċetti kontemporanji; u aħna narawh kif jimmanipula dik l-informazzjoni li jifhem hu.

Ċrieki

Il-ġabra sħiħa nistgħu neħduha bħala poeżija sħiħa li tħaddem il-proċessi tal-vers proġettiv b’ritmi flessibbli bbażati l-aktar fuq in-nifs mentali tal-poeta, imma fl-istess ħin tippermetti assoċjazzjonijiet (li jafu jkunu essenzjalment differenti) u allużjonijiet li jidħlu fl-għalqa tal-ġabra b’mezzi stilistiċi differenti (bħal dawk tal-poeżija konkreta). U fis-sħuħija ta’ din il-ġabra nsibu siltiet li jagħtuna kompożizzjonijiet organiċi li għandhom ħila joqogħdu fuq riġlejhom, waħedhom. 

Il-kompożizzjonijiet ta’Ċrieki huma għalqa miftuħa li tippermetti suġġetti assoċjazzjonali u essenzjalment differenti li jistgħu jitqiesu minn diversi naħiet tal-ħsieb u jidħlu f’poeżija (kultant spontanjament) u jsawru forma organika. Il-post partikulari tal-forma jinsab fil-qosor immedjat tax-xogħol, u hekk il-forma tagħti aktar ċans lill-qarrejja biex jixtarru dak li jkun hemm quddiemhom (kliem, disinji, stampi) u biex bi proċess ċentrifugali jaslu għat-tifsir li jixraq lil moħħhom. Kull kompożizzjoni ssir organika għax il-ħsieb u l-forma jiġu direttament mill-qawwiet interni tal-esperjenzi ta’ Seguna.

Seguna – l-għan tiegħu huwa l-bniedem – jaqbad temi differenti li fi ħdan il-ġabra online jintrabtu ma’ xulxin jekk insibu s-sabar biex nitħassbu fuqhom. Temi bħal xi policy ta’ twarrib ta’ xi bniedem, il-qtil ta’ ġurnalista għax twassal il-verità, il-favuri bla mertu lil xi qraba jew ħbieb, id-diskriminazzjoni kontra jew l-antagoniżmu lejn xi razza, il-qagħda kontemporanja tal-Covid, il-qtil bla sens ta’ flamingo, u xi xejriet li jolqtu lill-bniedem bħall-inċertezza fil-ħajja u l-imħabba – dawn kollha huma parti mil-leħen kontemporanju tal-bniedem f’kewnu. 

Seguna jitlob il-qari bil-għaqal u bil-galbu – qari bis-sabar – biex jinftiehem b’mod xieraq. Il-poeżiji tiegħu jqanqlulna l-ħsieb, u l-interess tiegħi bħala kritiku huwa mhux biss fix-xejriet tematiċi imma anki fil-mod kif il-lingwa u l-istil jagħmlu l-poeżija taħdem. Seguna jinqeda b’forom differenti għal ħafna effetti differenti. Imma rridu nifhmu li (b’mod ġenerali) il-forom jissieħbu mas-simboliżmu tal-isem tal-ġabra, Ċrieki.

Mela, il-ġabra sejħilha Ċrieki li biha, bħala ħassieb eżistenzjalist, stabilixxa ruħu fuq ir-realtà etika tiegħu nnifsu.  Fost it-tifsir simboliku taċ-ċirku nsibu ċ-ċaqliq qawri. Tgħid huwa tidwir għalxejn għax iddur fejn iddur dejjem tispiċċa fl-istess qagħda? (Fatt tal-ħajja dan it-tidwir!) Il-kunċett ta’ ‘ċirku’ għandu żewġ tifsiriet ewlenin: (a) dawra u (b) grupp ta’ nies bl-istess interessi. U Seguna għandu żewġ poeżiji konkreti li jinqdew b’dawn it-tifsiriet. Fi “Ċrieki taċ-Ċrieki” għandna t-tifsira elaborata bl-espressjoni “ħbieb tal-ħbieb”, li teħodna lejn l-għada ħażina tan-nepotiżmu (il-prattika ta’ favuri lill-qraba u l-ħbieb minn dawk li qegħdin fis-setgħa). L-arranġament tipografiku jesprimi messaġġ komplementari għat-tifsir semantiku tat-titlu, u juri li l-favoritiżmu (li hu ħażin u mhux etiku) jidħol f’dawwara ta’ vizzju li donnu qatt ma jista’ jinqered. Imbagħad fi “Ċrieki taċ-Ċrieki: l-Istorja Tkompli”, iċ-ċirku għandu implikazzjonijiet psikoloġiċi profondi li jagħtuna l-kunċett ta’ perfezzjoni. Fil-ħsieb Jungjan iċ-ċirku jissimbolizza sħuħija interna (perfezzjoni) fl-istat pluralist tal-bniedem. Imma fi “Ċrieki taċ-Ċrieki: l-Istorja Tkompli” il-poeżija konkreta tixħet iċ-“ċrieki taċ-ċrieki” f’ġustapożizzjoni mal-“kaxxi fuq kaxxi”; fil-ħsieb Jungjan il-kaxxa tirrappreżenta livell baxx. Mela bil-poeżija konkreta tiegħu Seguna qed jimplika li min mingħalih laħaq il-perfezzjoni f’xi ħaġa għandu fil-fatt xejra safliena psikoloġikament. 

Lingwa mqassra

Bħala wieħed li jħaddem il-concrete poetry, Seguna jinqeda bil-lingwa mqassra b’mod sottili ħafna biex isawwar poeżija bil-kompjuer bi ftit kliem immanipulat skont il-ħsieb tematiku. U meta dawk il-ftit kelmiet idaħħalhom f’ċirku jisfidalna l-metodu lineari tagħna tal-qari biex aktar iġagħalna nitħassbu. Il-poeżija konkreta tagħfas fuq l-aspetti viżwali tal-poeżija. Hija konxja tal-ispazju grafiku bħala aġent strutturali u tuża s-sura mas-sens biex twassal it-tifsira. Tnaqqas mill-piż tradizzjonali tal-ideat u mill-kontenut simboliku jew emozzjonali, u tħalli l-ħidma ta’ implikazzjoni tiffunzjona waħidha, kif tagħmel il-poeżija “Demm” fejn id-demm (li aħna nassumu li jirrappreżenta dak ta’ Daphne Caruana Galizia) jidher iqattar mill-/bl-ittri tal-kliem u jiċċarċar mal-faċċata li donnha hija l-iskrin ta’ xi qagħda Maltija. It-taqtir tiċliq tad-demm joħroġ politikament aktar emfatiku f’“L-Art li ma Nixtieqx Nara” fejn il-ward aħmar hieni tal-ħaddiema jidħol f’ġustapożizzjoni mal-isplużjoni tad-demm aħmar “fuq il-konkrit” fil-qtil ta’ Daphne. 

Meta naqraw xi xogħol konvenzjonali ġeneralment noqorbu lejh bi stabilità għax ibbażat fuq kowd u kuntest ixxerjati bejn il-kittieb u l-qarrejja. Imma kultant meta napprowċjaw xi kitba ta’ Seguna din ix-xorta ta’ stabilità ma nsibuhiex minħabba l-istil li jħaddem. Pereżempju, meta Seguna jsir poeta-attivist soċjali jikteb xi ħaġa bħal “Hekk Ġrat l-Aħbar” – poeżija ta’ fill-in-the-blanks – fejn jagħti leħħiet ta’ qagħdiet bi strateġija deduttiva. Il-lista-serbut ta’ referenzi speċifiċi li jagħtina (akkumpanjata bit-tpinġija effettiva, attiva, qawwija tal-Gżejjer Maltin bid-demm imtajjar għal fuqhom minħabba l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – pittura ta’ Ġorġ Mallia fit-tieni anniversarju ta’ dan l-assassinju) iżżomm sod flimkien dawk il-qagħdiet li jduru tematikament mas-suġġett tal-qtil politiku tal-ġurnalista. Il-forma tal-lista poetika għandha stil akkumulattiv ħieles. Lill-poeta tatu ċ-ċans li jippreżenta t-tħassib tiegħu b’lista li tintrigana ta’ qagħdiet imħajrin lejn il-qerq jew il-ħażen. 

Il-kitba ta’ Seguna hija xogħol li jippreżenta l-perspettiva tal-kittieb – din hija ħaġa evidenti u komuni fil-letteratura ta’ ħaddieħor ukoll. Il-kompożizzjoni organika ta’ Seguna (li x’aktarx tinqeda bil-vers ħieles) hija għarfien ta’ dak li nifhmu bil-mentalità tagħna u hija bbażata wkoll fuq l-intuwizzjoni li l-forom poetiċi jieħdu minnha – u għalhekk ikun hemm analoġiji, lingwa figurattiva, u tixbihat. U għaldaqstant, il-poeżija ta’ Seguna hija fil-qofol tagħha esploratorja, bil-kontenut ġenerattiv tagħha: tagħti idea ċentrali imma tħarrek aktar ħsieb ta’ elaborazzjoni fil-kontenut. 

Id-destabilizzazzjoni ta’ xogħlijiet bħal dawn (fil-ġabra ta’ Seguna) tiġi mill-fragmentazzjoni. Għax għalkemm il-poeżiji jista’ jkollhom rabta tematika bejniethom (eż. ta’ protesta soċjali) xorta jidhru maqtugħin minn xulxin. U jħallu lill-qarrejja jfittxu t-tifsir li jistennew mis-siltiet moqrijin – siltiet li jħalluhom b’abiss li jheddidhom li jista’ jdawwarhom f’ħallieqa u qerrieda fl-istess ħin: ‘qerrieda’ għax fl-interpretazzjoni jista’ jkun hemm xi falza stikka. Dan kollu forsi ma jagħmilx lil dawn il-poeżiji esperjenzi sbieħ tal-qari. Ma jissetiljawniex fid-drawwiet tal-ħsieb tagħna – imma għandhom ħila juru xi xquq fil-kunċett tagħna fuqna nfusna bħala suġġetti umani. 

Tifsiriet solitarji

L-interpretazzjonijiet li nagħtu lill-poeżiji ta’ poeta huma tifsiriet solitarji għax qatt ma aħna se nkunu ċerti li lħaqna dak li kellu f’moħħu l-awtur. U fl-istess ħin anki dak li jikteb kritiku jsir tifsir solitarju għax il-kritiku ma jkunx żgur li l-interpretazzjoni tiegħu tkun inftehmet sew minħabba li kulħadd huwa individwu b’esperjenzi differenti tal-ħajja u b’lingwa personali differenti – jiġifieri, żewġ individwi mhux bilfors li jifhmu biċċa lingwa eżatt l-istess. 

Fil-każ ta’ Seguna hemm bixra ta’ eskejpiżmu – ħarba lejn il-letteratura li hija differenti mill-ħajja. Il-poeżija hija medium li fih impressjoni u esperjenza jingħaqdu b’mod mhux tas-soltu. F’din il-ġabra online nsibu xehir ieħor fis-skiet tal-poeta li bit-tidwir tiegħu mad-dinja Maltija taħt il-kontroll tal-kompjuter juri lil kulħadd minn xiex ikun għadda moħħu poetiku.

Nieħdu “Naħfer, Imma…” Din turina vittma tal-imgħoddi mħabbes fit-tifkiriet muġugħa. Jiġifieri, it-tbatija u t-tbaxxija li n-narratur (fl-ewwel persuna) kellu jġarrab jibqgħu jżommu s-singularità tagħhom imma l-konxju kontemporanju tan-narratur jarahom mhux biss bħala ġrajjiet tal-imgħoddi, imma bħala tiġrib li għadu fil-preżent. Il-ħidma tat-tifkiriet fil-moħħ għandha sehem deċiżiv akbar minn dik tal-Istorja. L-għatx fid-deżert, it-“togħma morra fl-ikel”, ir-“riħa tinten” fuq il-ħwejjeġ, it-tabella ta’ umiljazzjoni fuq dahru, l-“arja tossika” li stordietu, l-ikel tal-fdal ta’ fuq il-mejda – dawn huma metafori tal-konxju kontemporanju tiegħu li jippreżentahom bħala għamla ta’ vjolenza qawwija assoluta imma wkoll inħossuhom li huma ħidma għammieqa tal-moħħ li jfakkar – għalhekk fit-titlu ta’ din il-poeżija hemm l-“imma…” 

Dawn il-metafori ta’ Seguna mhumiex sempliċiment mod kif jifhem id-dinja tiegħu, imma mod kif donnu jerġa’ joħloqha. Nieħdu b’eżempju t-“tabella” ta’ umiljazzjoni fuq dahru; din tfakkarna fil-kefrijiet li wasslu għall-Ħolokawst. U allura l-proċess ta’ konċettwalizzazzjoni metaforika nifhmuh bħala proċess ta’ tliet stadji: għażla, bidla, u tiswir lingwistiku. Fi kliem ieħor, il-ħolqien tal-metafora tinvolvi lill-immaġinazzjoni biex tifli u tirfina d-dehra jew il-kunċett tal-poeżija. Il-fili u l-irfinar huma komplementari għal xulxin fl-għemil tal-ħsieb li jrid jifhem id-dinja u jerġa’ joħloqha. U jekk il-qarrejja jridu jifhmu lil Seguna sew, jeħtieġ jgħaddu minn proċessi simili (imma b’lura) biex jaslu għal interpretazzjoni xierqa. 

Il-ġabra tifrixilna l-kontemporanjetà, anki b’sitwazzjonijiet ta’ dwejjaq bħal tal-Covid-19 (eż. “Issa”, “Miet Xiħ”, u “Lura”)

Il-kontemporanjetà

Il-kompetenza ta’ poeżija hija li aspett tar-realtà tibdlu f’binja estetika. Il-poeżija ta’ Omar Seguna tipprova tagħti ftit tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-kontemporanjetà. Imma dawn it-tweġibiet qatt mhuma adegwati għalkollox għax jikxfu l-kunċett tas-soġġettività bħala wieħed instabbli. Kull poeżija tippreżenta ruħha bħala sħiħa imma fil-fatt hija parti mir-realtà tal-konxju tal-poeta. 

Minn dawn il-kitbiet jidhru xi tensjonijiet tal-ħajja tal-lum. Il-kunċett tat-tensjoni (parti mill-awtoriflessjoni tal-poeżija) huwa aspett tal-karattru essenzjali tal-ġabra. Permezz ta’ dawn it-tensjonijiet ix-xogħol kollu jiddefinixxi ruħu bħala qawwa li t-tensjonijiet tagħmilhom xejriet eżistenzjalisti. 

Ngħidu aħna, “Libertà” hija għamla ta’ poeżija ta’ definizzjoni (bi ħjiel ta’ sarkażmu) li tagħtina s-suġġett (libertà) imbagħad tinformana fuq il-kondizzjonijiet li n-narratur (fl-ewwel persuna) qiegħed jgħix. U f’dawn il-kondizzjonijiet naraw li hemm tbattil u tixħit: kitarra li ma tinstemax tindaqq, “metafora tqila” li ma tinftiehemx sew, telefown li qatt ma seta’ jintuża, u “arja friska” li ma tinħassx – m’hemm xejn ħieles kif jixtieq in-narratur. U allura l-mistoqsija tagħna hija: mela x’libertà hemm? Il-kondizzjonijiet ta’ din l-għamla ta’ għajxien iwasslu aktar lejn il-kunċett ta’ ‘ċaħda’ li (meta nirriflettu aktar fuq il-kontemporanjetà tagħna) tissarraf fil-kunċett ta’ ‘abbuż’. 

Seguna jibda bl-idea ta’ “libertà” mbagħad ikompli b’lista ta’ referenzi speċifiċi ta’ ċaħdiet. Il-fattur ewlieni ta’ din il-forma huwa l-lista taċ-ċaħdiet li jduru mat-titlu biex b’dan l-istil kumulattiv il-poeta jiċċalinġjalna l-ħsieb immaġinattiv tagħna ħalli forsi naslu lejn għamla moderna ta’ ‘libertà’ bħala sensiela ta’ ċaħdiet. Mit-titlu għall-kontenut il-poeta jixħet jissetja stennijiet u mbagħad inaqqas xejriet minn dawk l-istennijiet biex minflok ma jagħti l-karatteristiċi pożittivi tal-kunċett jagħti kondizzjonijiet kuntrarji tal-kunċett – proċess li jidħol fis-sarkażmu. Hekk għandna metafora tat-tnaqqis għax tiddefinixxi l-kunċett bil-maqlub (jiġifieri, f’termini negattivi). Il-kuntrast bejn il-kunċett u l-kondizzjonijiet negattivi jurina parti mill-verità ta’ żmienna; u nitkexkxu-nitħassbu: kemm aħna veri ħielsa b’dawk l-affarijiet li suppost qed jagħtuna l-ħelsien?

Fl-eżistenza tal-poeta

Il-kompożizzjonijiet organiċi (infakkar li huma ħidmiet umani) huma parti mill-eżistenza tal-poeta – eżistenza li tagħraf ir-responsabilità ta’ dan l-individwu għall-valuri umani. Seguna jgħix għal dak li huwa etiku. “Fi Spazju bla Lqugħ” jagħtina bil-vers ħieles lill-bniedem (fl-ewwel persuna singular) li jitmexxa “bl-ispag” u jitbandal “fi spazju bla lqugħ” biex juri ħajja bla kenn. Il-metafora tal-ħajja bħala “spazju bla lqugħ” u l-idea tal-personifikazzjoni fis-“skiet li jtarrax” iwassluna nitħassbu fuq x’inhu s-‘skiet’ meta jissieħeb mal-inċertezza fil-kuntest tal-ġabra: huwa moralment tajjeb jew ħażin? Is-skiet jista’ jagħti ċans għall-ħsieb kwiet u kalm li għandu ħila jiftaħ il-bibien biex il-ħajja bla kenn timraħ aktar – donnu għamla ta’ żvilupp. Imma s-skiet jista’ jieħu sura ta’ għemil ħiemed u ġwejjed, kważi mutiżmu (dumbness) li jagħlaq il-bibien – għamla ta’ rigress li lill-bniedem iħallih “maħnuq”. F’din l-aħħar qagħda l-bniedem jaf iħossu megħlub meta l-ħajja tidher “sħaba kbira sewda” kif jagħtihielna fil-poeżija “Frustrat” (li wkoll hija fl-ewwel persuna). Il-frustrazzjoni tiegħu jippreżentahielna bħala qagħda metaforika biex juri nuqqas ta’ sodisfazzjon personali: diżappunt li jxaqleb lejn id-disperazzjoni. 

Dan l-ispazju bla lqugħ jitkompla bir-realtà tal-bniedem li jitwarrab fuq il-post tax-xogħol jew f’oqsma soċjali oħra. Jgħidilna, “għax jien traba” (“Traba”), li tista’ tittajjar, tintrifes, tinkines: il-bniedem li jaqla’ fuq wiċċu u qatt mhu stmat soċjalment/politikament. Jinbena ħajt ta’ firda soċjali minħabba l-isem (“Ħajt”) – il-ħajt (li minnu jitħassar isem il-poeta) jesprimi l-idea tal-impossibilità li tintlaħaq in-naħa l-oħra. U b’dan il-ħajt iridu jgħattulu “d-dawl. / U s-sħana ħanina tax-xemx” biex jibqa’ jħares “lejn il-baħħ” qisu l-iblah għax “Hekk Iridu” biex ma javvanzax. Minn “spazju bla lqugħ” (mela m’hemmx ħitan ta’ kenn) li jista’ jwassal għall-ftuħ kognittiv jgħaddi għall-ħajt li jagħlqu mill-bqija u li qisu għeluq fil-bluha. 

F’“Hawn mhux Fej’ is-Suwed” għandna poeżija satirika li tqegħdilna fuq it-trej mentali kritika morali. Is-suġġett tar-razziżmu jwasslu sabiex jikkundanna l-ipokrizija ta’ pajjiżu: 

“Hawn mhux fej’ is-suwed.

Hawn din l-art ħanina 

tħejji twapet tal-ward

għal min imniżżel fix-xirka tal-magħżulin

toffri spalla għall-ħabib tal-ħabib.”

Il-kelma “ħanina” tittaqqal ċinikament bil-ħtija weżwieża msieħba ma’ ton ta’ tbeżbiża lil ġensu, tbeżbiża li hi maħsuba biex tħarrek il-kuxjenza. 

Waqtiet ta’ ottimiżmu

Hawn għandna dan il-poeta li bħala bniedem iseffaq wiċċu mal-mewġ tal-ħajja imma jistenna (jew jixxennaq, ukoll b’mod ironiku) li jdur ir-riħ (“Issa li Dar ir-Riħ”) biex isib ftit “Mistrieħ”.

Jemmen b’ottimiżmu politiku “fid-difna tal-argużini” (“Jien Nemmen”) li joħolqu d-differenzi razzisti u reliġjużi biex inħarsu lejn il-ġejjieni b’mentalità sabiħa. Għandu waqtiet oħra ta’ ottimiżmu. Pereżempju, fil-poeżija politika “L-Art li ma Nixtieqx Nara” jixtieq li aħna nħarsu “lejn xemx sħuna fuq kulħadd indaqs”. U f’“Kemm Nixtieq” irid jara lil ruħu ’l “bogħod mill-kliem iebes aktar mill-blat”, ’il bogħod minn “dawk kollha li qalbhom bil-mibegħda mimlija”, ’il bogħod minn “dal-mezzi soċjali li kissru l-imħuħ” u mill-“vrus qawwija li rvinaw dil-poeżija”.

Fil-ġabra hemm ukoll l-imħabba. “F’Għajnejk Sbieħ” turi l-imħabba li tinqara mill-għajnejn mimlijin “ħniena, mogħdrija” u li jifhmu kliemu u jfehmuh li hemm qalb li tinħass li trid tkellmu – il-qalb ta’ dik it-tfajla li hemm fir-ritratt li jmur mal-poeżija. L-għajnejn (li mal-ewwel jindikaw in-normalità fiżika – għax bniedem normali għandu żewġ għajnejn, mhux waħda bħal xi monstru) hawnhekk jidhru li huma x-xemx innifisha bħala s-sors tad-dawl li jirrappreżenta l-għarfien u l-fehim uman. Flimkien, hu u hi, jistgħu jibnu l-ħolma tagħhom. L-għajnejn sbieħ huma l-qofol tal-imħabba imma l-poeżija timbuttana lejn l-idjoma ‘l-mimmi ta’ għajnejk’ li ddaħħalna fil-ħsieb ta’ pun li jemfasizza l-għożża fl-imħabba. 

Imma xorta hemm mument ta’ qrusa fil-ġabra. Meta jara t-“tosku li joħroġ minn ħalqna” (“Lura”) ma jarax ħlief “tbissima mqanżħa fuq wiċċna” li hija dehra weżwieża li tiġri ma’ saqajna. F’moħħu jara lilu nnifsu bħala “ġejjieni” b’“toqol is-skiet” li ma jxebbax (“Nimxu ’l Quddiem”). F’“Ittajjar Ħieles”, lill-flamingo jrid jarah ħieles f’“kenn / għajjien” u ma jridx jarah “vittma tal-egoiżmu ta’ xi wħud”. Il-poeta jixtieq li dan il-flamingo jpaxxi lill-bniedem biż-żifna tiegħu u bir-ritmu ta’ ġwinħajh – imma tajjeb ngħidu li fi ħdan din il-ġabra l-flamingo jiġbed fuqu b’mod sinifikanti s-simboliżmu tradizzjonali tar-ruħ li tpassi mid-dlam għad-dawl. 

Ir-realtà poetika ta’ Seguna hija possibilità: hija r-realtà etika tiegħu li trid tkun parti mill-kewn uman. L-estetiku jintrabat mal-etiku f’ċerti poeżiji (eż. “L-Art li ma Nixtieqx Nara”, “Jien Nemmen”, “Ittajjar Ħieles”) u dan il-fattur jirrifletti bixra tal-istil mentali ta’ Seguna. Hawn  xewqa għal realtà etika – etika li tikkonċentra fuq l-individwu biex tagħmlu bniedem sħiħ kemm jista’ jkun. Seguna nistħajlu qed jaħrab mill-eżistenza għal ġol-estetiku u l-intellettwali biex ix-xejriet personali tiegħu jimmaturahom. Huwa poeta li jgħix fl-estetiku: jilgħab bis-sentimenti u l-istħajjil u l-possibilitajiet tagħhom f’kompożizzjoni organika. U huwa ħassieb li jgħix fl-intellettwali: jikklejmja li jagħraf id-dinja u jixħet il-fehma tiegħu fuqha. 

Konklużjoni

Il-letteratura għandha ħila titkellem fuq kollox u hekk tikklejmja l-universalità tagħha. 

Meta naqraw bosta minn dawn il-kitbiet nintebħu li hemm emfasi fuq il-perspettiva personali tal-konxju ta’ Seguna u nifhmu li xogħlu jħaddan ħafna mill-esperjenzi u l-valuri tal-kontemporanjetà soċjali tiegħu u jaħżaq kemm jista’ mill-emozzjonijiet u l-opinjonijiet ta’ niesu madwaru. Din is-soġġettività hija megħjuna bl-użu tan-narratur fl-ewwel persuna li jixref f’bosta mill-poeżiji. Bħala attivist soċjali bil-poster poetiku jnaqqas id-distanza estetika bl-ewwel persuna li xogħlu hu (ukoll b’mod inkonxju) li jiġbed lill-qarrej lejn l-opinjoni tan-narratur. Imma fuq kollox, f’poeżija bħal “Meta Nistrieħ, Nieklu Flimkien” għandna lin-narratur fl-ewwel persuna li jagħtina monologu drammatiku (speċi ta’ solilokwiju): in-narratur jindirizza lil semmiegħ sieket, u fil-monologu tiegħu juri l-vera qalb tajba.

Fil-poetika ta’ Seguna hemm xejra djalettika. Fuq naħa hemm il-poeżija bħala l-prodott tal-ħsieb (oġġett tal-arti biex il-qarrejja jesperjenzawh); u fuq naħa oħra hemm għelm tal-proċess kreattiv u tal-ħidma ta’ tiftix (wiri tal-ħsieb mentali tal-poeta). B’hekk irrid ngħid li qarja ta’ poeżija hija għemil li jerġa’ joħloq il-poeżija u l-proċess ta’ kompożizzjoni – u din ix-xorta ta’ qarja trid tibqa’ tagħraf is-sħuħija tal-ġabra.

Ma’ Seguna rridu naħdmu fuq possibilitajiet ta’ x’nifhmu. Il-verità mhix aqwa mit-tajjeb u mis-sabiħ; imma il-verità, it-tajjeb, u s-sabiħ huma fil-qofol tagħhom parti mill-eżistenza umana, u Seguna donnu jħoss li għandhom jitwaħħdu mhux biss fil-ħsieb imma anki fl-għemil eżistenza – għalhekk jieħu sehem fil-protesta soċjali. Miegħu, perċezzjoni waħda malajr twassalna għal xi perċezzjoni oħra. Plass il-fatt li l-forma ta’ kompożizzjoni organika hija ġeneralment estensjoni tal-kontenut. B’hekk nasal ngħid li l-poeżija ta’ Omar Seguna tiftaħ it-triq għal ħelsien ieħor ta’ ħsieb u għal ideat aktar ta’ kompożizzjonijiet li forsi għandhom iwasslu għal xi għemil jew taħsis fl-għajxien tal-lum.