Fuq l-għatba
tal-bieb tal-maturità,
għasfur ittajjar
biex qatt ma jerġa’ lura
minn fuq il-baħar
li issa m’għadux qalil,
sar qisu żejt.
Kliemek, missier,
ġawhar
li qatt m’għaraft
il-valur tiegħu,
fakkarni
li għadni ma qomtx
mir-raqda twila tiegħi.
Qatt ma fhimt
x’inhu li jħassbek, missier,
fi ħsibijieti mitlufa fil-ftuħ tal-ġnien
Xi jfisser dan kliemek tqil?
X’inhu li jħassbek, missier?
X’inhu?
Ħadd ma jurik l-art
u kif tixxabbat biex tilħaq id-dawl
qabel ma tinżel ix-xemx
u ma terġax titla’.