Mortuus est propter peccata nostra

Djalogu bejn Ġesu’ u Ġuda  – Omar Seguna

Ġuda :

Mgħallem, ma nistgħux 

naqblu int u jien 

Bit-tagħlim tiegħek narak 

taħli ż-żmien. 

Iddoqq bil-flawt ta’ l-imħabba 

fis-skiet 

Tipprova tixgħel kull xemgħa 

li ntfiet. 

Tipprova tgħin lil kull min 

jersaq lejk 

Jiddispjaċini għaż-żmien li 

kont ħdejk. 

Nimxi w’rajk bħal fuq taraġ li ma jwassal

għal imkien. 

Bħal fi triq li m’ għandha 

ebda tmiem.

Ġesu’:

 Le Ġuda. 

Tużax l-istess armi 

tal-ħakkiema pagana 

barranin. 

Sabiex tirbah lil Erodi 

taħseb li trid tkun bħalu. 

Għadek ma fhimtx Ġuda 

li t-tempju mhux se jibqa’ 

għal dejjem 

u anke dan il-vjaġġ flimkien 

għad jasal fit-tmiem 

U kollox fid-dinja ser isir 

irmed 

Sakemm jerġa’ isib il-glorja u 

sliem. 

Ġuda:

Mgħallem, it-tagħlim tiegħek dwar limħabba, bħal riflessjoni fl-ilma 

li tintilef biċ-ċaqliq u tispiċċa 

fix-xejn. 

L-imħabba hi bħal riflessjoni

f’mera mfarrka 

b’kull biċċa turi sitwazzjoni 

li ma tfisser xejn. 

Ġesu’:

Ġuda, it-tagħlim tiegħi huwa li 

tħarsu mir-riflessjoni tal-ilma għall-verita’. 

U noħorġu mill-għar kiesaħ u 

mudlam. 

Ġuda: 

Mgħallem, 

Kliemek tqil wisq għalija

Ma jinstab fl-ebda ktieb illi 

naqra jien. 

Rajtek fil-bogħod u nżajt din 

il-libsa umli li libbistni int 

Irrid il-poter. 

Għandna s-saħħa tan-nies.

Ġesu’:

 Kultant, Ġuda,  jiġri bħal Israelin 

li ma ridux iħallu l-art. 

Ġuda int ukoll ġrejt wara l-bagħlin 

u warrabt lil imgħallem u ħabib. 

Ġuda:

Mgħallem kull tant ma nifhmekx 

Ma stajtx naqra moħħok linja wara linja. 

Il-bibien  ta’ qalbi magħluqin 

ma jistgħux jinfetħu. 

Għalija midfunin it-tamiet għall-ħelsien.

Ma nistax nagħraf il-pjan divin. 

Ġesu’:

Ġuda, 

jekk

werqa solitarja f’nofs ta’ deżert

tinfired minn qatra xita li tinżel fuqha.

Jekk taqbad vjaġġ

mingħajr destinazzjoni,

Jekk timxi qalb il-folla,

qalb nies li ma jagħrfukx,

f’toroq li ma jwasslu għal imkien,

u s-sema blu titkarrab bl-uġigħ.

Hemm…f’dak il-mument,

Jien se nkun qrib.

sabiex min idejk noħodlok il-ħabel qattiel

u saħansitra jekk tkun mgħarraq fl-ilma 

permezz ta’ dak il-ħabel inreġġgħek lura għall-qawmien.

Sabiex t-tnejn kumpass

fuq ir-ramel bħal meta xlew lil Marija ta’ Magdala

inħażżu ċirku ta’ l-imħabba

u jagħmel kemm jagħmel riħ

u jirfsu kemm jirfsu n-nies

Din l-imħabba ma tintemm qatt.

Lill-Marija Addolorata

Rajtek, Marija dik ħarstek imbikkma.
Lil ibnek tawk, bla ħajja mimli dmija.
Suldat li ħadd ma jaf f’deżert mitluf
u taħt in-nar inqatel mingħajr ħtija.

Is-sejf ġo qalbek kif lil ibnek
rajt fuq għuda msallab f’misraħ ġo Tikrit.
O x’weġgħa ħassejt kif ’l uliedek tlift
spiċċaw mirduma minħabba t-taqbid.

Rajtek il-ħabs, issofri lsien in-nies.
Rajtek tolfoq fuq sodda ġol-isptar.
Rajtek minn żewġek maħqura u msawta.
Rajtek sogħbiena bla saqaf bla dar.

Rajtek bid-dmugħ f’għajnejk tħares lejn ibnek
jistenna l-jum li fih dal-vjaġġ jintemm
bħal meta l-purtiera tat-tempju ċċarrtet
biex magħna tkun għalina f’dan il-hemm.

Qawmien peremezz tas-salib

Ix-xemgħa ntfiet, u ċċartet il-purtiera.
Ix-xemx ukoll inħbiet, wara s-salib.
 ‘Żda kif id-demm Qaddis saqqa lir-ramel 
biex moħbi,ħadd aktar ma jista jara 
ħlief siġar dgħajfa, bil-għatx, imnixxfin.
Permezz tad-demm qaddis qed jgħixu, jikbru
u jħarsu lejn is-sema, l-ward u s-siġar, 
jaraw ix-xemx bħal titbissem mill-ġdid.