Il-pjazza ewlenija tal-kapitali kienet miżgħuda bil-folol kbar ta’ nies li nġemgħu biex jiċċelebraw l-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid. Gvern li rebaħ it-tieni leġislatura tiegħu minkejja li tibqa’ mfakkra wkoll għal skandli u korruzzjoni. Kien jum sabiħ għal bosta dakinhar 16 ta’ Mejju. Bosta emozzjonijiet u tifkiriet ta’ taħbit mal-perspex fis-sala tal-elezzjoni. Tkantaw bosta innijiet. Dakinhar ma kienx il-waqt għal xi djalogu politiku. Bil-ħsejjes tas-suffarelli u l-tal-mużika b’volum għoli, bilkemm tinstema’ titkellem.
Charles kien mal-familja tiegħu isegwi dak li kien għaddej permezz tat-televixin. Għalih kien jum ta’ mistrieħ wara ġimgħa bogħod miż-żewġ uliedu żgħar.
“X’hemm tan-nies!” ikkummentat Margaret. “Emmnuni, bilkemm qed insegwi, “ stqarr Charles.
L-immedjatezza fix-xogħol tal-ġurnaliżmu kienet għejjietu mhux ftit, speċjalment qabel l-elezzjoni fejn aktar minn qabel kibret il-ħtieġa li l-aħbarijiet jaslu malajr.
“It-teknoloġija tgħinnek imma kultant tgħajjik ukoll, “ kompla jgħidilha.
“Xi kultant ngħid li l-kwalita’ tal-ħajja jekk ma niħdux ħsieb aktar qed innaqsuha,” rraġunat Margeret.
“Ħu minn dak ara, “ pponta subgħajh lejn ibnu Julian. “Bilqiegħda jilgħab u bilkemm iċċaqlaq.”
“Għandek aptit birra?” staqsietu Margeret waqt li ġabet tnejn birra bla ma qagħdet tistenna risposta.
“Jekk tixrob ma taħdimx sew papà,” dlok qallu ibnu Julian.
Charles u Margerat faqqgħu daħqa, waqt li tbaxxa ħdejn ibnu Julian u bi tbissima qallu, “Jiena llum vaganza. M’inix xogħol. Issa llejla noħorġu flimkien u ngawdu lil xulxin.”
“Bix-xieraq hux, “ ikkummentat Margaret.
F’waqt wieħed Charles qabad il-mobajl f’idejh u baqa’ jħares iċċassat. B’rogħda kbira f’ġismu ħares lejn it-tieqa bla ma jitħarrek.
“X’ġara?” staqsiet Margerat.
Ma weġibx. Baqa’ sieket u n-nuqqas ta’ kliem tiegħu beżżagħha.
“Charles, f’ġih kemm hemm, jekk hi aħbar li tolqot lilna għidilna,” insistiet Margeret
“Se jkolli mmur,” weġibha b’mod spontanju u maħtuf. Qabad il-ġakketta u mexa b’pass ħafif lejn il-bieb ta’ barra.
“Charles għadhom l-għaxra u kwart. Lanqas ser tiekol f’nofsinhar?”
“Nieħu xi ħaġa minn barra, “ wieġeb b’mod maħtuf. U baqa’ ħiereġ.
Saq b’kemm kellu saħħa. Minn moħħu bdew għaddejjin eluf ta’ ħsibijiet u emozzjonijiet differenti. Iċempel il-mobajl.
“Sa siegħa u nofs oħra jkunu waslu biex jitlqu. Il-laqgħa sigrieta ser titkompla fuq Jott. Magħhom ser ikun hemm James Ricca. Bniedem magħruf sew mal-puliżija”
“Isa ħej!” tbissem Charles. “U ovvjament kollox b’mod klanestin.”
“Ħeqq x’taħseb. Sakemm il-poplu qed jiċċelebra.”
“Il-pulizija infurmati?” staqsa Charles.
“Qed tiċċajta. Ivva imma infurmati. Charles kun hemm u informa lill-media barranija.”
Charles kien persuna rett u kien iħobb lil pajjiżu. Ħa nifthiemu, mhux għax ma kellux ambizzjonijiet. Imma ma qagħdx jaħsibha darbtejn sabiex telaq mill-aħħar kamra tal-aħbarijiet li kien jaħdem magħha wara nuqqas ta’qbil. Issa spiċċa jaħdem għal rasu. U iva, ried ikun minn tal-ewwel biex iwassal l-aħbar. L-informazzjoni li kellu kienet li l-kriminali b’konnessjonijiet ma’ politiċi ma kellhomx aktar minn sagħtejn biex jaħarbu minn pajjiżna.
Minbarra l-imħabba għal pajjiżu, Charles kien xprunat ukoll mis-simpatiji politiċi tiegħu.
“Ma tantx ser ikampa dan l-imniefaħ ta’ gvern,” ħaseb bejnu u bejn ruħu bi tbissima fuq xufftejh. “Mitt jum.”
Wara nofs siegħa sewqan wasal fuq il-post. Ipparkja l-karozza. L-atmosfera kienet tidher waħda normali. Beda jiċċekkja l-mobajl. Ebda aħbar. Lanqas messaġġ. Wara xi 20 minuta deher ġurnalist ieħor indipendenti. Sellimlu mill-bogħod. Iżda dan beda miexi b’pass kajman lejn Charles. Kellu nuċċali tax-xemx u resaq lejn Charles b’rasu baxxuta.
“Anke frotta sabiħa titħassar,” lissen minn taħt l-ilsien waqt li xegħel is-sigarrett.
“Id-dudu trid toqtlu qabel ma jħassar is-siġra, “ wieġbu Charles waqt li tbiegħed minnu bla kliem u bla sliem. Dan ma kienx il-mument ta’ diskussjoni. Kelma nieqsa aħjar minn kelma żejda, ħaseb bejnu u bejn ruħu.
Għaddew mill-inqas nofs siegħa, jistenna fuq ix-xwiek. Ma kienx ipejjep imma ma waqafx igerrem difrejh. Jimxi `l hemm u `l hawn bla ma jaf x’jaqbad jagħmel. Is-skiet ħassu bħal stallett. Skiet. Għajr it-tħaxwix tal-weraq bir-riħ li donnu bħal beda jitqawwa. M’hemmx li tagħmel buffura, ħaseb, u tnaddaf il-qiegħa. Ma kien hemm ħadd. Lanqas preżenza ta’ pulizija. Ħadd ma tfaċċa.
Imbagħad f’daqqa waħda jinfetaħ il-bieb. Ministru tal-gvern ħiereġ b’bagalja. Raġel ieħor li ma setax jagħraf. U James ricca li għalkemm b’kappell u nuċċali tax-xemx seta’ jagħrfu sew.
Qabad minnufih il-mobajl. Messaġġi b’kull programm li kellu. It-tlieta mxew lejn il-marina. Preċiż kif kien maħsub. Il-laqgħa kienet ser tkompli fuq laqgħa privata. Ħadilhom ritratt ieħor u bagħtu lil kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali. Jirċievi messaġġ. Il-mara.
“Charles fejn qiegħed? Ilek mill-għaxra u kwart li tlaqt. Ħames minuti oħra nofsinhar.”
Kellha raġun. Kien telaq bla kliem u bla sliem. Mitt minuta kien ilu jistenna, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Fil-mitt jum ta’ Gvern ġdid.
Ħa ritratt ieħor. Ħares lejn l-arloġġ. 11.55. Bumm! Sparatura. Charles intelaq mal-art f’għadira demm. Mijiet kienu għadhom jiċċelebraw fil-Belt Valletta. Mal-entużjażmu tal-folla kien għadu kif tħabbar investiment ta’ mitt miljun ewro. L-aħbar ġriet bħal leħħa ta’ berqa. Kif il-kotra semgħu, bosta tħawdu u tfixklu. Qatt ma stennew xi ħaġa hekk f’pajjiżna. L-entużjażmu tal-folla għeb u xi wħud erħewlha lejn djarhom.
Mill-banda l-oħra il-post tad-delitt fejn Charles, martri għall-ġustizzja, spiċċa minxur f’għadira demm, inbidel totalment. Ħasra li sparatura kelli tikser dak is-skiet. Sireni ta’ ambulanzi u pulizija. Dehru bosta ġurnalisti. U saħansitra ħelikopter instema’ jdur. Il-Ministru ta kummenti qasir lill-ġurnalisti.
“Aħbar xokkanti u determinat li naqbdu lil min wettaq dan id-delitt”
“Ministru, ministru…” komplew jiġru warajh il-ġurnalisti.
“Onorevoli. Onorevoli taħseb li jista’ jkun hemm xi rabta bejn dan id-delitt u l-qrubija tiegħek ma’ persuni li jista’ jkollhom konnessjonijiet kriminali?”
“Inħallu l-proċess tal-ġustizzja.”
U baqa’ dieħel fil-karozza.
Margaret kellha fuqha xokk qawwi. Uliedu mbellhin. Ma damux ma tawhom l-aħbar mill-isptar li Charles kien ħalliena.
Ix-xemx kienet niżlet iżda l-atmosfera f’dak il-lejl kienet waħda movimentata aktar mill-jum li kien għadu kif intemm. U dawk li nħawi ma baqgħux fis-skiet bħas-soltu. Mill-għada bdew il-protesti.
Nhar l-24 t’Awwissu, l-Prim Ministru ħabbar konferenza stampa. Huwa u l-Ministru konċernat kienu ser jieħdu responsabilta’ politika għal dak li ġara u għaldaqstant ħabbru r-riżenja tagħhom. Għaliex, imma, dak is-skiet kellu jinkiser bi sparatura? Għaliex dik il-ħamrija niexfa kellha tissaqqa bid-demm ta’ ġurnalist? F’dak il-post, xi tfal tal-iskola primarja ħawlu siġra. Ġest ħelu li juri li l-ħajja għandha valur, bil-bosta aktar mill-flus