L-Ispirtu tal-Mulej fuqi

Ejja, Spirtu s-Santu

Talba: Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek, u ħeġġeġ fihom in-nar ta’ mħabbtek.  Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u huma jinħalqu.  U inti ġġedded il-wiċċ tal-art.

Għalina l-Insara, Alla mhux biss irrivela lilu innifsu għalina imma ġie fostna u għamel parti mill-istorja. Mhux biss, imma għamilha possibly biex wara l-mewt u l-qawmien tiegħu, stajna nibqgħu niltaqgħu ma’ Kristu permezz tas-Sagramenti. Dan kollu huwa possibli bil-Qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (1118) jgħidilna “L-għan tal-missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu f’kull azzjoni liturġika hu li ssejjaħ l-għaqda ma’ Kristu biex jissawwar il-Ġisem tiegħu. l-Ispirtu s-Santu qisu l-qawwa li tagħti l-frott lill-friegħi tad-Dielja tal-Missier”.

San Pawl jikkonferma din l-għaqda li niksbu permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija;

“Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed” (2 Kor 7:13).

Bħalma Kristu, bil-mewt u l-qawmien tieg]u, uriena li huwa rebaħ saħansitra fuq il-mewt, hekk ukoll il-magħmudija hija ta’ kuraġġ kbir għalina g]ax permezz tal-qawwa li nirċievu mill-Ispirtu s-Santu kapaċi negħlbu it-tentazzjonijiet tad-dnub. San Pawl jgħidilna, Ma tafux li aħna li tgħammidna fi Kristu, tgħammidna fil-mewt tiegħu? (Rum 6:3).

Huwa f’Ġesu’ innifsu li nirċievu l-Ispirtu s-Santu; il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu mhux talli mhijiex miċħuda imma nirċevuha permezz ta’ Ġesu’ stess. San Ġwann il-Battista jgħid fil-predikazzjoni tiegħu jgħid li huwa jgħammed bl-ilma, imma min ġej warajh – qiegħed jirrieferi għall-Ġesu’, jgħammidkhom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar (Mt 3, 11).

Huwa għalhekk li fil-magħmudija aħna nirċievu din il-qawwa. Meta Kristu jgħidilna li min jemmen u jitgħammed isalva, min ma jemminx ikun ikkundannat (Mk 16, 16), qed jirrieferi għal min ma jridx jemmen, għal min ma jridx jgħix fil-grazzja.

Il-qawwa mill-Ispirtu s-Santu li nirċievu fil-magħmudija nerġgħu nikkonfermawha fis-sagrament tal-Konfirmazzjoni, il-Griżma. Tajjeb li nenfasizzaw il-bżonn ta’ l-evanġelizzazjoni u li nżommu ruħna ippreparati fit-tagħlim u fil-fidi sakemm nistgħu. Wieħed jeħtieġ li jkun imsejjaħ biex jemmen. Is-Sagramenti jitolbu il-fidi li tagħha huma sqarrija. Ma jiswa xejn li wieħed jersaq lejn is-sagramenti jekk ma jkunx jemmen. Il-Grazzja li hija l-qawwa sopranaturali tas-sagrament, ma tingħatax b’mod mekkaniku jew b’mod maġiku. Huwa minnu li s-sagramenti jġibu l-grazzja ex operere operato jiġifieri direttament mingħand Kristu. Iżda sakemm nistgħu, fil-limitazzjonijiet tagħna, rridu nagħmlu l-parti tagħna biex nikbru fil-Fidi. San Pawl fl-ittra lill-Galatin jgħidilhom li biċ-ċorkiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi ħlief il-ħolqien il-Ġdid (Gal 6:15).

San Ġwanni Pawlu II, fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-elfejn sena, jagħmel diversi riflessjonijiet dwar l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu huwa rigal li huwiex maħluq u għandna nitolbuh sabiex jippurifikana u jfejjaq l-aktar feriti fondi fl-umanita’. L-Ispirtu s-Santu għalhekk huwa t-tama tagħna u s-serħan fil-qalb tagħna.

Talba

Mulej qaddis, Ħallieq u Alla nirringrazjawk li żejjintna b’ħafna grazzji u tgħin lil kull min jitolbok.
Nitolbuk biex tagħtina fidi sħiħa sabiex nesperjenzaw l-imħabba tiegħek.

Glorja lill-Missier Mulej, Alla tagħna ikollok ħniena minna.

Ġesu’ Kristu, Alla u redentur tagħna, int li kkonvertejt tant midinba, fejjaqt tant uġiegħ agħmel li nżommu ruħna kemm jista’ jkun bogħod mid-dnub.

Glorja lill-Missier Mulej, Alla tagħna ikollok ħniena minna.

Int Marija li għint biex sabbart u serraħt tant qlub muġugħa, Int li bid-dulur tiegħek tinkoraġġina fl-aktar mument diffiċli. 
Ibqa’ magħna.

Meta nerfgħu is-salib tal-ħajja m’aħniex weħidna.
Hemm Kristu magħna. Ġesu’ dejjem se jgħin ill-batut.

Glorja lill-Missier Mulej, Alla tagħna ikollok ħniena minna.

Oh Trinita’ Mqaddsa, Il-Missier, l-Iben U l-Ispirtu s-Santu li qlajtu tant grazzji u tisimgħu it-talb tagħna
agħtuni l-qawwa li tant għandi bżonn.

<— lura