it-torca-2022-10-16_24-24

it-torca-2022-10-16_25-25

Dwar il-gwerra rajna diversi filmati u smajna ħafna rakkonti, imma ħafna minna qajla aħna nfurmati dwar xi rwol kellhom il-gazzetti f’dawk iż-żminijiet.  Riċerka dwar dan għalhekk kienet meħtieġa għaliex il-gazzetti mhux biss jiddokumentaw dak li jkun qed jiġri, imma dan ma jagħmluhx b’mod passiv. Minnhom nistgħu insiru nafu liema kienu l-kurrenti soċjo-politiċi ewlenin f’dawk iż-żminijiet u kif huma stess bħala aġenti xprunaw il-ħsieb soċjo-politiku.  F’isem il-Paġna Letterarja tat-Torċa tkellimna għalhekk mal-awtur ta’ The Front Page on the Front Line, Martin Debattista u matul din l-intervista ser nagħtu ħarsa lejn dan il-ktieb.  Martin G. Debattista huwa riċerkatur fil-qasam tal-mezzi diġitali u l-edukazzjoni diġitali u akkademiku.  F’Malta kien pijunier fil-qasam tal-internet u minn tal-ewwel li beda jgħaddi tagħrif permezz tal-gazzetti dwar din it-teknoloġija ġdida.  Bħalissa huwa jaħdem bħala lettur fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi u huwa wkoll visiting lecturer fil- Fakultà tal-Media u x-Xjenzi tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta.  Interessi oħra ta’ Debattista huma l-korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs), riżorsi edukattivi miftuħa (OER), kif ukoll ir-realtà miżjuda u dik virtwali fl-edukazzjoni u fl-interpretazzjoni tal-wirt storiku. 

Illum qed nippublika l-ewwel parti ta’ din l-intervista’. 

1.     Martin, kif għidt tajjeb inti f’dan il-ktieb, il-memorja kollettiva tal-gwerra fost il-poplu għadha pjuttost ħajja, qed nikkwota p.153.   Xi ftit jew wisq kwotazzjonijiet minn ġurnali dehru f’ħafna kotba u riċerki oħra.   Ma nistgħux allura Martin nibdew b’din it-taħdita billi nistaqsi lilek bħala riċerkatur u awtur ta’ dan il-ktieb, x’joffri differenti dan il-ktieb minn dan li diġa lkoll nafu? 

T.   Jiena bdejt ir-riċerka b’żewġ premessi. L-ewwelnett indunajt li s-suġġett tal-gazzetti kien ġie trattat b’mod superfiċjali u mferrex ħafna f’diversi pubblikazjonijiet, fejn ħafna drabi ngħad biss li t-Times of Malta baqgħet toħroġ minkejja d-diffikultajiet kollha u kultant naraw l-ewwel paġna ta’ xi ġrajja importanti bħall-għoti tal-George Cross. It-tieni ridt li nħares lejn il-gazzetti fi żmien il-gwerra mil-lenti ta’, kif ngħidu bl-Ingliż “news is the first rough draft of history”. Fil-gazzetti Maltin ta’ matul il-gwerra kienet qed tinkiteb l-istorja u ħadd ma kien għadu analizza kif inkitbet din l-istorja waqt żmien ikrah u mimli tiġrib għall-Maltin u l-Għawdwin. Naħseb li lħaqt dawn l-għanijiet b’volum wieħed.

2.     Il-gwerra ħalliet impatt kbir fl–iżvilupp soċjo-politiku ta’ Malta kif ukoll fil-proċess politiku.  Iżda ma rridux ninsew li qabel il-gwerra diġa kellek il-ġrajjiet imdemmija tas-sette ġiugnio, li wkoll wasslu aktar għalihom il-kundizzjonijiet ħżiena ta wara l-ewwel gwerra dinija.  Kellek ukoll imbagħad l-ewwel self-government, il-kwistjoni tal-lingwa  u l-ewwel kostituzzjoni.  Wara l-gwerra mbagħad komplejna għaddejjin bil-kwistjoni tal-integration.  X’kien l-impatt li allura tara li ħalliet il-gwerra fl-iżvilupp politiku tagħna u bidlet it-traġitt li diġa konna qbadna?   Mistoqsija oħra li mhux marbuta magħha imma mat-tema ċentrali hija:  Xi rwol kellhom il-ġurnali f’dawn iż-żminijiet?

T.   Il-ġurnali Maltin kellhom rwol importanti fejn tidħol il-propaganda u l-informazzjoni. Jien skoprejt fost l-oħrajn li ħafna mill-għidut dwar l-imġieba meqjusa xejn kuraġġjuża tat-avjaturi Taljani kienet element importanti fil-propaganda fil-gazzetti, speċjalment f’il-Berqa li kienet bil-lingwa Maltija. Din kienet tiġi pubblika minn Allied Newspapers Ltd ta’ Strickland l-istess bħat-Times of Malta. Dawn il-gazzetti kienu propjeta’ ta’ partit politiku – dak Kostituzzjonali – imwaqqaf minn Sir Gerald Strickland, li kien avverssarju ewlieni tal-Partit Nazzjonalista ta’ Nerik Mizzi. Hawnhekk naraw kif ir-rwol tal-gazzetti kemm qabel u kemm wara l-gwerra kien li jwasslu messaġġ politiku. Dan il-messaġġ kien fundamentali fil-ħajja politika ta’ pajjiżna. Minkejja li llum nilmentaw li f’Malta għandna mezzi tax-xandir maħkuma mill-partiti politiċi, min-negozjanti u l-Knisja Kattolika, fil-passat kellna ċirkostanzi simili.

3.     Mistoqsija forsi ftit supplimentari, imma naħseb żgur hija l-kurżita’ ta’ ħafna hija marbuta mal-litteriżmu tal-poplu Malti.  Il-parti kbira tal-poplu Malti kienet illitterata.  Għaliex tħoss allura li kienu daqstant kruċjali l-gazzetti? 

T.   Kienu kruċjali għaliex ir-redifussion ma kienx għadu mifrux daqstant u ma kienx għadu daħal is-servizz tat-televiżjoni. Allura kien jifdal il-gazzetti. It-Times of Malta kellha s-suq tal-membri tas-servizzi militari Ingliżi, tal-Commonwealth (li minnhom kellna ħafna speċjalment fir-Royal Air Force) u oħrajn internazzjonali filwaqt li l-Berqa, li kienet tinbiegħ iktar mit-Times of Malta, kienet tinqara mill-Maltin. Prassi normali dak iż-żmien kienet li min kien jaf jaqra kien iwassal siltiet mill-gazzetti lil min ma kienx jaf u Allied Newspapers Ltd kienu jilmentaw li r-rapporti tagħhom kienu jiġu kkuppjati mis-servizzi ta’ l-aħbarijiet tar-redifussion.

4.     Il-karikatura kellha rwol importanti fil-ġurnali. Fil-ktieb titratta f’ċerta dettal ix-xogħol ta’ Alfred Gerada fil-ġurnal “The Times”.  Meta bdew dawn il-karikaturi u kemm taħseb li kienu effettivi matul iż-żminijiet, u naturalment anke f’dan il-perjodu partikolari),  biex iwasslu l-messaġġ tagħhom?   

T.   Biex norbot mat-tweġiba ta’ qabel, karikatura setgħet tinftiehem anke minn min ma kienx jaf jaqra. Il-karikaturi ma bdewx b’Alfred Gerada meta faqqgħet il-gwerra imma ħafna qabel, imma jien iffukajt biss fuq żmien il-gwerra. Interessanti ħafna li naraw it-temi li jagħżel Gerada, meta per eżempju jqabbel il-qlubija ta’ Malta matul it-Tieni Gwerra f’Malta mqabbla ma’ l-Assedju l-Kbir tal-1565 jew meta jpinġi lill-pajżana Maltin u Għawdxin bħala r-raba’ arma fid-difiża tal-fortizza flimkien ma’ l-armata, ir-Royal Navy u l-RAF. Ma kinux jonqsu karikaturi li juru r-reżistenza ta’ Malta Nisranija kontra l-għadu Nażi-Faxxista, li wħud minnhom kienu jnisslu anke tbissima. Karikaturi dwar politika partiġġjana lokali reġgħu feġġew  biss wara l-gwerra.

5.     Tema ewlenija meta nitkellmu dwar il-media u mhux inqas il-ġurnali hija Il-propoganda.  Ma din hemm it-tgħawwiġ tal-verita’.    Fil-ktieb insibu fost oħrajn kif il-karikatura fil-ġurnal The Times of Malta, qed nara ngħidu ana p.147,  turi li Malta kienet fortizza b’saħħitha bizzejjed biex tiġġieled kontra l-għadu, li kif tejjeb inti ma kinex il-każ. F’paġna 189 imbagħad ukoll iġġġib karikatura oħra ta’ Gerada li turi d-determinazzjoni tal-Maltin wara dak li sar magħruf bħala l- Illustrious Blitz.  Għal benefiċċju tal-qarrejja tagħna dan kien fost l-agħar episodji fl-istorja, ngħid jien ta’ pajjiżna fejn fl-1941 kellna l-ewwel attakki mill-ajru mill-forzi Ġermaniżi, l-Luftwaffe u għamlu ħerba sħiħa.  Fost oħrajn ġew milquta sew il-Kottonera  bl-Isla sa fejn naf jiena spiċċat ħerba kważi mal-ewwel jiem.  Mill-banda l-oħra naraw f’dan il-ktieb l-attakk tal-organu tal-Knisja Leħen is-Sewwa kontra l-Bolxeviski.    Xi rwol kellhom il-ġurnali biex iwasslu lill-qarrejja tagħhom l-aġenda tagħhom? 

T.    L-aġenda kienet waħda u s-sempliċi: li Malta ma ċċedix u tkompli titqabad sar-rebħa finali kontra l-għadu li kien qed jitfa’ l-bombi fuqna u li anke wssal għall-mewt ta’ Maltin li kien qed iservu mar-Royal Navy. Għall-Maltin u l-Għawdxin dan kien ifisser li tgħix bil-miżerja li ttik il-Victory Kitchen, tixtri xi ħaġa żejda apparti li jtik ir-razzjon billi tirrikorri għand black market fi prezzijiet oxxeni jew tibqa’ bil-ġuħ, tgħix ġranet sħaħ fix-xelters, titlef darek, ħwejjġek u anke qraba u ħbieb, jew tinqabad bil-lieva. Għall-Britanniċi Malta kienet tifisser iċ-ċavetta għat-taqbida fil-Mediterran u l-Lvan Nofsani, kif ukoll ir-rotta lejn l-imperu fl-Asja. Pero’ kien hemm sfumaturi wkoll. Il-Berqa, per eżempju, donna ma ħafret qatt lit-Taljani li bbumbardjawna wara ħafna paroli li t-Taljani ħutna u flok bombi se jitfgħulna l-fjuri. Kienet iktar voċifera mit-Times of Malta kontra l-hekk imsejħa ‘quislings’ Maltin, jiġifieri dawk il-Maltin b’simpatija lejn it-Taljani. Il-Berqa sal-piena tal-mewt talbet għal dawn il-Maltin. Il-Leħen is-Sewwa taħt Herbert Ganado kienet pro Taljana u Faxxista imma ma kienx iniżżel lin-Nazisti kif jispjega l-istess Ganado għax ma kienx jaqbel mal-metodi vjolenti tagħhom mingħajr sens Nisrani. Matul il-gwerra il-Leħen is-Sewwa inbidlet u saret iktar favur l-Ingliżi, u fl-1943 saret iktar konservattiva minn qatt qabel b’kampanja kontra t-tfajliet li jaħdmu ma’ l-irġiel u kontra l-vot lin-nisa. Ninnutaw pero’ kif dil-gazzetta kienet tikteb kontra l-atei Bolxeviki Sovjetiċi speċjalment meta l-Unjoni Sovjetika attakkat il-Finlandja ,imma meta l-istess Unjoni Sovjetika spiċċat alleata tal-Ingliżi u l-Amerikani l-Leħen is-Sewwa intalbet biex ma tkunx aggressiva kontra pajjiż li issa kien sar alleat.

Din l-intervista tissokta fil-ħarġa li jmiss