L-ironija

Għidli Mitejn, 16 ta’ Settembru 2020

“X’sogħla kerha għandek Marija?”

“Iva ili jumejn u ma tistax tgħaddili.”

“Ħu ħsieb.  Giovanna jaħasra b’hekk mietet.”

“Iva jaħasra!  Serja mela.”

“Ehe u ħadniha biċ-ċajt aħna.”

“X’jiġifieri?”

“M’emminnihiex hux.  Lanqas temmen hekk f’salt.”

“Eh issa fhimtek.  U żgur.  Ma fhimtekx għax il-mewt ma tantx hi taċ-ċajt.” 

“Mhux noħduha biċ-ċajt Marija?”

“M’aħna xejn hux.”

“Le sewwa qed tgħid.  Kważi lanqas jagħtu każ meta tmut.”

“Iv iva.  Qed insiru egoisti hux. 

Marija ppruvat iddawwar id-diskors.  

“Isma dik Giovanna kelllha ħuha miet ukoll hux?” 

“Anke ħuhom iż-żgħir.  U vera mietu mewta taċ-ċajt it-tnejn li huma.  Wieħed mar jixxabbat mal-katusa u baqgħet nieżla bih.” 

“Illammi miskin kemm hu żvinturat.  U l-ieħor?” 

“Mar jiġri biex iċempel lill-ambulanza, tfixkel u waqa’ fil-katusa.”

“Surreali kif jiġru l-affarijiet ħa ngħidlek” 

“Ħafna.  Infatti meta tellajtha facebook tgħidx kemm għamluli likes” 

“Għax ma stennewiex hux. ”

“Ħajja taċ-ċajt.  Tgħaddi żiffa riħ u tmut”

“Qed tħassibni issa u ser niċċekkja dwar din is-sogħla”

“U le tinkwieta xejn ta.  Jien mhux qed ninkwieta.”

“Le?  Jiġifieri taħseb m’għandi xejn serju.”

“Le u żgur li serju.  Iktar jekk jiġrilek bħal Giovanna!”

“Mhux nifhem.  Għadek kif għidtli i mhux tinkwieta. Jew kont qed tiċċajta li jista’ jiġrili bħal Giovanna?”

“Eh eħe u żgur.  X’inhi ħelwa!  Mhux ninkwieta jekk inti wkoll tispiċċa bħal Giovanna.”  

“Kemm inti vili!”

“U le niċċajta qiegħda. “

“Eh, kif għidt tieħu l-ħajja biċ-ċajt”

“Mela kieku kont inti flok Giovanna ser ikolli l-istess ammont ta’ likes!”