L-intiena

Is-Sur Galazia kien ilu jipprepara għal din i-laqgħa mal-Ministru. Minn banda ħassu tassew kburi li l-Ministru ser jisimgħu jitkellem dwar l-ilmenti li kellu. Min-naħa l-oħra ma kienx ċert jekk din tal-lum kinitx xi tbeżbiża. Li jaf żgur kien li ħass eċitament qawwi. 

Dakinhar fl-uffiċċju sebaħ fis-sebgħa ta’ filgħodu. Kontra dak li kien jiġri s-soltu daħal qabel il-ħaddiema tiegħu. Kien liebes libsa intera pulita li kien xtara apposta għal din il-ġurnata. Bertu miskin dakinhar qam ftit tard u daħal għaxar minuti tard. Is-Sur Galizia ħareġ jgħajjat mill-uffiċċju u tah ċamata. 

Kif wasal kulħadd talabhom jinġabru kollha madwaru. “Illum għeżież,” beda jgħidilhom, “ser nuri lill-Ministru xi nsarraf. Kulħadd ser ikun jaf bl-intiena fl-uffiċċju tiegħu. Korruzzjoni kbira.” Il-ħaddiema kollha kienu jafu li qed jiftaħar imma baqgħu fommhom sieket. 

Kif wasal għandi il-Ministru beda jħoss l-għaraq ħiereġ minn ma’ moħħu. Ma stenniex li ser ikun hemm kważi d-diretturi kollha. Wieħed żagħżugħ għarrfu li l-Ministru kellu l-Parlament u kien ser jittardja. Ma setax jissaporti li jmur sat-tojlit. Beda jistħi mhux ftit! U nkiss inkiss mexa lejn kamra li kien hemm fil-ġenb. Iż-żagħżugħ pprova jwaqqfu imma s-Sur Galizia ssakkar fil-kamra. 

“Sur Galizia hemmhekk bħala store biss nużawh.” 

Imma s-Sur Galizia ma felaħx aktar. Kif mar juża l-flaxing induna li ma ħadimx. Bil-mistħija ħareġ jiġri ‘l barra u baqa’ sejjer l-uffiċċju tiegħu. 

Kif wasal ix-xogħol daru l-ħaddiema madwaru. “Ġejt hawn,” qallhom, “Ħallejt intiena kbira f’dak l-uffiċċju!”