Min jixtieq id-deni lil ġaru jiġi f’daru
“Isma Sur Galiżja, x’taħseb kieku nuża dik il-kantuniera fejn l-iskrivanija ta’ Robert. Hemm għandu xkaffa kważi vojta.”
“Fil-każ inkellmu waħda u mmexxu”
“Intant mur ara! Ma tantx iqatta’ blat. Illum għadu lanqas ġie.”
“Naf imma dak kellimni u qed jibqa’ jaħdem sas-sitta. U bħalissa qed jaħdem fuq ir-rapport għall-awditur.”
“Min jaf x’jagħmel wara li nitlqu aħna. Ngħidlek wara kwarta jitlaq ‘l hemm”
L-għira ta’ Manwela għal Robert donnha għamlet biha minn mindu kien ppreżenta biċċa xogħol lill-Ministru f’isem il-kumpanija. Hi minn dejjem ma kelliex kwiet f’qalbha imma l-għira għal Robert issa żdiedet ġmielha. Dak in-nhar daħlet għax-xogħol. Inżerta diġa kien hemm is-Sur Galizia u ħadet l-okkażjoni biex toħroġ il-ħdura kontra Robert.
“Mhux sew hekk ta imma! Min mgħallaq bix-xogħol u min għadu ma ġiex. Jekk jibda fit-tmienja u nofs mela diġa għaddiet kwarta.”
“Jien ukoll ser ikolli nitlaq. Issa naqbad u naqtagħhielu mill-leave. Anzi ser naqtgħalu ġurnata!”
U hekk għamel.
Bilkemm laħaq telaq li ġie Robert b’nifsu maqtugħ.
“Manwela ejja malajr. Neville fetaħ il-karozza tiegħek u qbadtu jieħu xi affarijiet. Ġrejt ġirja warajh u ma lħaqtux.”
“Mela għalhekk wasal tard!” ħasbet bejnha u bejn ruħha. U dan Neville kienet taf x’tip ta’ persuna kien.
Manwela ċemplet minnufih lis-Sur Galizia. F’kemm ili ngħidlek sar rapport u Neville tressaq bord tad-dixxiplina. Il-bord qabad il-lista tal-impjegati u min kien xogħol dakinhar. Neville ta’ bniedem ħażin li kien malajr approfitta ruħu mis-sitwazzjoni
“Robert ma kienx xogħol dak in-nhar. Ma setax rani.”
Paġna Mmarkata, Numru 4