
Il-pulizija ma damux ma waslu fuq il-post. Is-siġar kienu jgħattu sew ix-xelter. Daħlu permezz ta’ torċ, qalb riħa taqsam ta’ ħmieġ uman. Waslu sat-tmiem. Xejn. Ħajt. Ħarġu minnufih. Iddeċidew jitilgħu fuq is-sur.
“Siringa, “ ikkummenta l-kuntistabbli Michael Borg.
“Il-bqija xejn ġdid. Veduta mpekkabli minn hawn fuq,” ikkummentat il-Kuntistabbli Psaila.
“Dik hija l-għalqa tas-Sur Gerard Farrugia,” reġa’ kkummenta l-kuntistabbli Borg, “Hawn jiġi propju wara d-dar tiegħu.”
Il-pulizija mxew fl-għalqa flimkien mal-klieb. Xkora suspettuża deheret taħt ftit terrapien. Resqu lejha.
“Ġlud tal-fenek,” ikkummenta Borg minn taħt l-ilsien.
Dik il-lejla kienet waħda diżappuntanti. Borg u Psaila dehru jaqtgħu qalbhom mit-tfittxija. Iżda l-Ispettur Caruana kellu rasu iebsa daqs iż-żonqor. Jekk ikun ċert mil-ħsieb tiegħu xejn ma jneħħihulu minn moħħu.
L-għada filgħodu l-pulizija ħabbtu l-bieb ta’ Gerard Farrugia. Tfittxija intensiva fid-dar u fil-ġnien tirriżulta għal darboħra fin-negattiv. Il-kuntistabbli Borg deher jitħarrek `il barra iżda dlonk Psaila tatu ħarsa minn taħt, twissih sabiex ma jaqlax xi ċanfira mingħand Caruana. L-ispettur kien qiegħed fil-ġnien, iħares iċċassat lejn il-bir. Ma tħarrikx. F’salt wieħed ordna li jinkixef l-għatu tal-bir. Raġel qsajjar iniżżel sellum u ħabel u l-kollega tiegħu newwillu l-għodda sabiex ikisser l-art tal-bir. Aktar milli rrabjat Farrugia deher skomdu.
“Ġieli tkellimt li hawn xelter midfun taħt il-bir tiegħek?” staqsa Caruana, “Prosit eh. Xi ħsara għamilt!”
“Probabbli dan kien jinfed ma’ dak li rajna,” spjega lill-kuntistabbli minn taħt l-ilsien.
Il-ħaddiema nġibdu lura maħsudin. Dehru li kienu fdalijiet umani.
Għidli Mitejn – Tell me 200, 9 ta’ Diċembru 2020