Mario ma setax jagħlaq għajn m’għajn. Beda joħlom ħolm stramb, li għadu tifel u qed ifalli l-eżamijiet, insomma ħolm b’kull trawna li sofra f’ħajtu. F’daqqa waħda f’dik il-hemda tal-lejl jisma’ … Bumm. Ħanina, sparatura! Qam mis-soda maħsud u nduna li kien qed joħlom. Martu ma kinetx ħdejh u probabbli kien sema’ tisbita ta’ xi bieb. Imbagħad bħal donnu ġie f’tiegħu. Qam mis-sodda u mar jittawwal. Sabha fil-kamra tal-banju mixħuta bilqiegħda fl-art. “X’inqala’?” staqsiha.“Xejn,” weġbitu. U nfaqgħet tolfoq bħal tarbija. “Ejja mmorru norqdu,” inkoraġġiha. “Issa niġi.”Mario tela’ f’soddtu u baqa’ jistenniha. Ma setax jorqox qabel ma telgħet ħdejh. Stenniha torqod. Il-ħsibijiet tqal ma setgħux iħalluh jistrieh. Donnu saħansitra l-imħadda beda jħoss iebsa taħt rasu. Kemm hu kiefer il-lejl meta tkun mifni bil-ħsibijiet! Qatagħha li jmur fil-kċina jagħmel belgħa kafè. Ħarstu marret fuq il-karti li kienet ħalliet martu jiġru. Fejn qatt kienet tħalli l-karti fil-kċina? Fejn qatt kienet tħalli l-kikkra tal-kafè maħmuġa fuq il-mejda? Intebaħ li ħalliet warajha saħansitra d-djarju. Il-privatezza ta’ martu dejjem irrispettha. Imma bħal ħass min jgħidlu li kellu jiftaħ dawk il-paġni. Rakkont minnhom qabbdu d-diqa. Riedet titkellem u ma tistax. Imma għaliex ma kellmitx lilu? Ikompli jqalleb. L-aħħar paġna waħħxitu. Martu kellha pjan terribbli. Mar jiġri fil-kamra tal-banju. Hemm isib il-pirmli jiġru bl-addoċċ fl-armarju. Imn’Alla kienet dik it-tisbita.
Għidli Mitejn, 8 ta’ Diċembru 2021