
Bidu tal-Quddiesa
Flimkien: Fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Inwieġbu: Ammen.
Saċerdot (b’idejh miftuħin): Il-grazzja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll.
Inwieġbu: U miegħek ukoll
L-Att Penitenzjali
Saċerdot: Ħuti, ejjew nagħrfu ħtijietna, biex nitħejjew tajjeb ħalli niċċelebraw il-misteri qaddisa.
Flimkien: Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil, u billi ħallejt dmirijieti:
Waqt li nħabbtu fuq sidirna, ngħidu: Ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.
Inkomplu: Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-Anġli u ‘l-Qaddisin kollha, u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna
Saċerdot: Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
Inwieġbu: Ammen.
Invokazzjonijiet
Saċerdot: Mulej, ħniena.
Inwieġbu: Mulej, ħniena.
Saċerdot: Kristu, ħniena.
Inwieġbu:. Kristu, ħniena.
Saċerdot: Mulej, ħniena.
Inwieġbu: Mulej, ħniena.
Il-Glorja
Flimkien: Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Infaħħruk, inberkuk, nadurawk, nagħtuk ġieħ, inroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan tas-sema. Alla Missier li tista’ kollox, Mulej Iben waħdieni, Ġesu’ Kristu, Mulej Alla, Ħaruf t’Alla, Bin il-Missier, Int li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ħenn għalina; Int li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna; Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex int waħdek Qaddis, int waħdek Mulej, int waħdek il-Għoli, Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu s-Santu: fil-glorja tal-Missier Alla. Ammen.
Il-Kolletta
l-Kolletta hija ttalba li s-saċerdot jgħid fil-bidu tal-quddiesa, eżatt qabel jibda l-qari mill-Kotba Mqaddsa, u jibda billi jgħid “Nitolbu”. Imbagħad it-talba li tinbidel skont iż-żmien, imma tiġbor fiha dak li ser inkunu qed niċċelebraw matul il-quddiesa.
Il-Liturġija tal-Kelma
Wara l-ewwel qari (u nhar ta’ Ħadd u festi anke wara t-tieni qari)
inwieġbu: Inroddu ħajr lil Alla.
Wara l-Evanġelu
Saċerdot: Il-Mulej magħkom.
Saċerdot: Qari mill-Evanġelju ta’ San..
Waqt li jagħmel is-sinjal tas-salib l-ewwel fuq il-ktieb u mbagħad fuq ġbinu, fuq fommu u fuq sidru.
Il-poplu jwieġeb: Glorja lilek, Mulej.
Wara l-Evanġelu inwieġbu: Tifħir lilek Kristu
Il-Kredu
Jiena nemmen f’Alla wieħed,
Il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art, Dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesu’ Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla, Imnissel mill-Missier qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, Imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier;
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet
għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna.
Fil-kliem li ġej kulħadd jagħmel inklinazzjoni, sa u sar bniedem. Iżda nhar il-Milied u fis-solennita’ tat-Tħabbira tal-Mulej kulħadd jinżel għarkobbtejh.
U ħa l-ġisem bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu Minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu,
miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skond il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa’ jiġi bil-glorja
biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
u fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja; li ġej mill-Missier u mill-Iben;
li hu mequum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u ma’ l-Iben; Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
u fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika. Nistqarr magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet. U nistenna l-qawma mill-imwiet,
U l-ħajja taż-żmien li ġej. Ammen.
Talb tal-Fidili
It-talb tal-Fidili huma talb ta’ interċessjoni kif ukoll turija ta’ fidi.
Liturġija tal-Ewkaristija
Offertorju
Saċerdot: Imbierek int, Mulej, Alla tal-ħolqien kollu, għax fi tjubitek tajtna l-ħobż li qegħdin noffrulek, frott ta’ l-art u xogħol il-bniedem, — li minnu jsir għalina l-ħobż tal-ħajja.
Saċerdot: Itolbu, ħuti, biex is-sagrifiċċju tiegħi u tagħkom ikun jogħġob lil Alla l-Missier li jista’ kollox.
Inwieġbu: Jilqa’ l-Mulej minn idejh is-sagrifiċċju għat-tifħir u l-glorja ta’ Ismu, għall-ħtiġijiet tagħna u tal-Knisja mqaddsa kollha tiegħu.
Talba Ewkaristika (Hawnhekk qed nuża t-talba Ewkaristika II li hija l-aktar komuni)
Prefazju
Sewwa u xieraq tassew, Missier qaddis, tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna, li dejjem u kullimkien inroddulek ħajr b’Ibnek il-għażiż, Ġesù Kristu, il-Verb tiegħek li bih għamilt kollox, li int bgħatthulna bħala Salvatur u Feddej, magħmul bniedem mill-Ispirtu s-Santu u mwieled minn Marija Verġni. Huwa temm ir-rieda tiegħek, u kiseb għalik poplu qaddis:
u fil-passjoni tiegħu fetaħ idejh fuq is-salib, biex iħollna mill-irbit tal-mewt u jurina l-qawmien għall-ħajja.
Għalhekk, flimkien ma’ l-Anġli u l-Qaddisin kollha, inxandru l-glorja tiegħek u b’leħen wieħed intennu:
Qaddis, Qaddis, Qaddis, Mulej, Alla ta’ l-eżerċti.
Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek. Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej. Hosanna fl-għoli tas-smewwiet.
Hawnhekk ninżlu għarkubtejna.
Saċerdot: Qaddis tassew int, Mulej: inti l-għajn ta’ kull qdusija.
Qaddes, għalhekk, nitolbuk, dawn l-offerti bil-barka ta’ l-Ispirtu tiegħek, jgħaqqad idejh, jagħmel sinjal tas-salib fuq l-ostja u l-kalċi flimkien, u jgħid: biex isiru għalina l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Li, meta kien se jingħata biex minn rajh ibati, ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasam, ta lid-dixxipli tiegħu, u qal:
Ħudu u kulu lkoll minn dan: għax dan huwa ġismi li jingħata għalikom.
Hekk, ukoll, wara l-ikla ħa l-kalċi, reġa’ radd il-ħajr, ta lid-dixxipli tiegħu, u qal: Ħudu u ixorbu minnu lkoll: għax dan huwa l-kalċi ta’ Demmi tal-patt il-ġdid li jibqa’ għal dejjem: id-Demm li jixxerred għalikom u għall-bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.
Dan hu l-Misteru tal-Fidi.
Inwieġbu (waqt li nqumu bil-wieqfa): Inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sa ma tiġi fil-glorja.
Saċerdot/i: Għalhekk, aħna u nagħmlu dan b’tifkira tal-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu, noffrulek, Mulej, il-ħobż tal-ħajja u l-Kalċi tas-salvazzjoni, u nroddulek ħajr għax għoġbok tilqagħna hawn quddiemek biex naqduk. U miċ-ċokon tagħna nitolbu li l-Ispirtu s-Santu jgħaqqadna f’ġisem wieħed lilna li nieħdu sehem mill-ġisem u d-Demm ta’ Kristu.
L-Ewwel Konċelebrant: Ftakar, Mulej, fil-Knisja tiegħek imxerrda mad-dinja kollha, wettaqha fl-imħabba, flimkien mal-Papa Franġisku., ma’ l-Isqof tagħna Charles ma’ l-Isqof Joseph. li qiegħed jgħinu, u mal-ministri tiegħek kollha.
It-Tieni Konċelebrant Ftakar ukoll f’ħutna li raqdu bit-tama tal-qawmien: Ftakar fil-mejtin kollha. Daħħalhom quddiemek fid-dawl tas-sebħ tiegħek. Ħenn għalina lkoll, nitolbuk, agħti lilna wkoll il-wirt tal-ħajja ta’ dejjem flimkien mal-Verġni mqaddsa, Omm Alla, Marija, ma’ l-Appostli u l-Qaddisin kollha li għexu fil-ħbiberija tiegħek sa mill-bidu tad-dinja. Agħmel li magħhom infaħħruk u nsebbħuk jgħaqqad idejh ma’ xulxin b’Ġesù Kristu Ibnek.
Saċerdot/i: Bi Kristu, ma’ Kristu, u fi Kristu, jingħata lilek, Alla Missier li tista’ kollox, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, kull ġieh u glorja għal dejjem ta’ dejjem.
Inwieġbu: Ammen

Ir-Rit tat-Tqarbin
Saċerdot: Ejjew nitolbu kif għallimna u riedna nagħmlu l-Iben ta’ Alla għas-salvazzjoni tagħna.
Flimkien: Missierna, li inti fis-smewwiet: jitqaddes ismek; tiġi saltnatek; Ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum; aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina: u la ddaħħalniex fit-tiġrib; iżda eħlisna mid-deni.
Saċerdot Eħlisna, nitolbuk, Mulej minn kull deni; agħtina, fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Il-paċi fi żmienna, biex inkunu ħielsa dejjem mid-dnub u mħarsa minn kull inkwiet, aħna u nitennew u nittamaw il-hena u l-miġja tas-Salvatur tagħna Ġesu’ Kristu.
Inwieġbu: Għax tiegħek hi s-saltna, il-qawwa u l-glorja għal dejjem.
Saċerdot: Mulej Ġesu’ Kristu, li għidt lill-Appostli tiegħek, inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi: La tħarisx lejn dnubietna, iżda ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek; Agħtiha s-sliem u l-għaqda li int trid fiha. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Inwieġbu: Ammen.
Saċerdot: Il-paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom.
Inwieġbu: U miegħek ukoll.
Saċerdot: Agħtu l-paċi lil xulxin.
Flimkien: Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ħenn għalina. Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ħenn għalina. Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, agħtina l-paċi.
Saċerdot: Dan u l-Ħaruf t’Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Ħenjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf.
Flimkien: Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda, u ruħi tkun imfejqa.
Saċerdot: Il-Ġisem ta’ Kristu jħarisni għall-ħajja ta’ dejjem.
Waqt it-tqarbin, min iqarben jgħid: Il-Ġisem ta’ Kristu u inwieġbu: Ammen.
Wara t-talba wara t-tqarbin nerġgħu inwieġbu: Ammen.
Ir-Rit tal-Għeluq
Saċerdot: Il-Mulej magħkom.
Inwieġbu: U miegħek ukoll.
Saċerdot: Iberikkom Alla li jista’ kollox,
Irroddu s-salib: Il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.
U nwieġbu: Ammen
Saċerdot: Morru fil-paċi ta’ Kristu.
Inwieġbu: Inroddu ħajr lil Alla.

The famous Nunta din Cana of Hans Eder in The Black Church, Brașov, Romania.
Photo taken by myself