Imħabba bla qies

Kull min jemmen fi Kristu għandu kurżita’ kbira fuq is-Saltna tiegħu li tant jitkellem dwarha. Ġesu’ wiegħdna s-Saltna , u aktar ma nimxu warajh bla dubju ta’ xejn irridu nkunu nafu aktar dwarha. Id-dixxipli ta’ żmien Kristu, kellhom l-istess mistoqsijiet, u setgħu jisimgħu minn fomm Ġesu’ nnifsu, x’jgħandu x’jgħidilna dwar is-Saltna. Ġesu’ jgħid lid-dixxipli tiegħu li s-Saltna t’Alla tixbah lil żerriegħa tal-mustarda, “l-iċken fost iż-żrieragħ kollha” imma meta tikber issir “l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha”. Il-Lhud kienu jistennew bil-ħerqa s-saltna t’Alla. Pero’ meta waslet is-siegħa tal-miġja ta’ Ġesu’ ma ndunawx. Is-Saltna waslet bħal żerriegħa żgħira tal-Mustarda. Ġesu’ qabbel il-bidu tas-Saltna maż-żerriegħa tal-mustarda għax fil-fatt hi żgħira ħafna u meta tikber issir siġra li toffri kenn lill-għasafar tal-ajru li jmorru jbejtu fil-friegħi tagħha. Ma kienx l-iskop ta’ Ġesu’ li jgħallem kif tikber is-senapa. Skont il-bonaċi mhijiex l-iċken fost iż-żrieragħ kollha, u lanqas meta tkber ma ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha. L-iskop ta’ Ġesu’ kien biex ifisser lin-nies bl-aktar mod sempliċi u popolari il-bidu umli tas-saltna t’Alla.

Mattew u Mark iġibu din il-parabbola wara dik tal-bidwi li ħareġ jiżra’. Luqa jġibha wara l-fejqan tal-mara milwija. San Mattew iġibha bħala waħda f’sensiela ta’ parabboli ta’ Ġesu’ dwar is-Saltna. Skond San Mattew, Ġesu’ baqa’ jġib parabbola wara l-oħra dejjem jitkellem dwar iż-żerriegħa u x-xogħol fir-raba’. Bejn il-parabboli tas-Saltna jgħid lid-dixxipli li qiegħed jitkellem b’dan il-mod biex “tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.” (Mt 13: 14). U Ġesu’ jerġa’ jkompli jitkellem bil-Parabboli fuq is-Saltna. Interessanti kif San Mattew ipoġġi din il-parabbola wara tal-Qamħ u s-Sikrana li nsibuha biss f’dan il-Vanġelu. Fil-parabbola tal-Qamħ u s-Sikrana, Ġesu’ jgħallimna li s-Saltna t’Alla tinsab f’għalqa li ssib fiha ż-żerriegħa tajba mħallta mas-sikrana. Iż-żerriegħa tajba nżergħet minn sid il-għalqa waqt li s-sikrana ntefgħet fl-għadira tas-sid. Il-qofol tal-parabbola qiegħed fl-aħħar tweġiba tas-sid lill-qaddejja; 

Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien mal-ħsad (Mt 13,30).

Il-Parabbola tal-qamħ u s-sikrana hi waħda mill-ftit li naraw l-ispjegazzjoni ta’ Gesu’ b’mod allegoriku; dak li jiżra’ ż-żerriegħa Bin il-Bniedem, l-għalqa id-dinja, iż-żerriegħa t-tajba ulied is-saltna t’Alla, is-sikrana il-midinbin, l-għadu li żeragħha, il-ħsad tmiem id-dinja, il-qaddejja l-anġli. Dan kien il-mod kif San Mattew kien jgħallem fil-Komunita’ tas-Sirja. Dawn l-elementi tal-interpretazzjoni allegorika setgħu kienu fit-traduzzjoni tal-Knisja qabel ma nkiteb l-Evanġelu ta’ San Mattew u milli jidher għoġbitu ħafna biex iwissi lill-qarrejja għal Jum il-Ħaqq. San Mattew ikompli dan il-messaġġ billi jqawwilhom qalbhom għax is-saltna se tikber permezz tal-Parabbola tas-Senapa. San Mattew u San Luqa ikomplu jispjegaw din il-parabbola pemezz ta’ parabbola oħra, dik tal-ħmira. It-tnejn għandhom l-istess tagħlima; il-bidu ċkejken tas-Saltna t’Alla u l-kobor tagħha fit-tmiem.

Mulej,
int apprezzajtni daqshekk li ġejt fid-dinja għalija.
Għinni napprezza lili nnifsi.

Int li ħabbejtni tant,
għinni naħfer bħal ma taħfirli Int,
u nkun responsabbli ta’ dak li nagħmel.

Int li ridt tibqa’ fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu,
għinni nkun xhieda tiegħek,
u nirrispetta lill-oħrajn.

Inti li tajtni il-ħajja u s-saħħa,
għinni sabiex inkun ta’ servizz għalik,
u fejn nara l-ħsara nagħmel il-ġid.

Grazzi tal-gwida li tajtni permezz tal-Knisja,
u nitolbuk għal ħutna li qed ibatu minn mard, ġuħ jew gwerer.

F’Mulej Wieħed Ġesu’ Kristu

Amen. 

<— lura