Il-mara li ma żżejjinx tal-Milied

Għidli Mitejn, 30 ta’ Diċembru 2020

“Din Margaret qisha l-istramba.  La żżejjen tal-Milied, xejn!”

“Hi dħulija ħafna.  Forsi ma tħobbux il-Milied.”

“Ma nafx jien.  Pero’ nistaqsiha ta’.  Anzi ħa mmur ngħidilha issa.”

Ċensa imxiet b’pass mgħaġġel lejn Margaret, waqt li Maria imxiet warajha. 

“Bonġu Margaret, x’minnek?” bdiet it-taħdita Ċensa. 

“Bonġu.  Qed naħsel ftit il-bieb ta’ barra għax jimtela’ bit-trab.”

“Iva vera.  Jiena mort nagħmel ix-xirja tal-Milied u nkompli nżejjen naqra,” weġbitha Ċensa waqt li ma tatiex ċans tagħtiha risposta kompliet, “U inti kif ma żżejjinx naqra Margaret?  Dejjem hekk nafek jiena.”

Margaret ħarset lejha u bi tbissima qaltilha, “Mela titkaża bija xi ftit hux?”

“Le, le, “ weġbitha Ċensa imma f’qalbha taf li ma kinetx qed tgħid il-verita’. 

“Mela ħa ngħidlek, la naħseb trid tkun taf,” bdiet tgħidilha Margaret. “Inti tiftakar meta ħarqu l-ħanut ta’ Salvu?” 

“Le ta, ftakar li jiena m’inix mir-raħal u m’ilix wisq ngħix hawn,”  weġbitha. 

“Jiena darba ġejt nixtri fil-ħanut ta’ Salvu li kull sena kien jarma apposta b’tiżjin tal-Milied.  Kien ikollu siġar, presepji, dwal ta’ kull xorta.  Darba waħda daħal raġel liebes ta’ Missier il-Milied.  F’daqqa waħda dan fettillu jqabbad il-ħanut u kemm ili ngħidlek il-kaxxi tal-kartun saru ħuġġieġa waħda.”

“Illami, weġġajtu?”

“Mort l-isptar kont għax blajt ħafna duħħan.  Minn dak in-nhar ma rridx naf b’Milied.”

Ċensa baqgħet bla kliem.  Iżda mbagħad issoktat, “kemm hawn min hu kattiv hux?  Ħaqqu l-ħabs u narmilu ċ-ċavetta.”

“Ċens, jekk tħobb il-Milied suppost taf li m’għandekx tiġġudika.  Dak ir-raġel kien għadu ħiereġ mill-ħabs, ma setax isib impjieg, kien fi stat ħażin ħafna barra li kien mhedded u ra kif għamel biex reġa’ daħal ġewwa.  Le m’għamilx tajjeb.  Lilna werwirna.  Għadni nbati l-konsegwenzi.  U anke fuqi jgħidu n-nies.  Imma mhux aħjar ma niġġudikaw lil ħadd?” 

Ċensa baxxiet rasha u bewġet lejn id-dar.