
Din li kien jidlam meta joħroġ mix-xogħol lil Mario kienet tkiddu wisq. Għal daqshekk biss, ix-xitwa kien jobogħdha. Iħaffef lejn il-karozza u jħares ‘il ġewwa lejn l-uffiċju ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni li kien għadu miftuħ. Ittawwal ‘il ġewwa u l-mara li kienet għadha xogħol tbissmitlu. Laqtuh mal-ewwel dawk l-għajnejn żoroq u anki l-mod kif tbissimitlu b’ċerta kunfidenza. Mexa lejn il-karozza iżda dak il-lejl m’għalaqx għajn b’għajn. Baqa’ jaħseb dwar dik il-mara. L-għada deffes f’rasu li jkellimha. Reġa’ għadda minn quddiem dak l-uffiċju u għamel kuraġġ u daħal ġewwa.
“Qed nitħajjar nagħmel insurance tad-dar,” staqsha mifxul wara li dam jaħsibha ftit.
“Iva mela le. Hawnhekk għandek il-karti biex timlihom. Jekk ikun hemm bżonn ngħinnek.”
“Eh tajjeb grazzi ħafna kieku. Iddum taħdem?” pprova jibda konverżazzjoni.
“Iva u bħalissa waħdi. Delħin vera ngħejja”
“Għandek raġun. U nimmaġina r-raġel ikun qed jistenniek,” ikkummenta biex fin fin jieħu informazzjoni mingħandha.
“Le. Le waħdi ngħix.”
Dak li ried jisma’. “Tkun trid xi darba mmorru nieklu flimkien wara x-xogħol,”issuġġerixxa.
Hi bħal infixlet. “Imma inti tkun qed tistenniek delħin.”
“Le, le waħdi ngħix,” kien pront qallha.
Hi ma qalet xejn. Baxxiet rasha.
“Aħsibha ftit,” kompla jinsisti. “Ħa mmur”.
“Il-lejl it-tajjeb!” qaltlu. “U sellili għal Miriam. Ili ma narha l-keep-fit.”
Mario nstaram. Ħareġ jiġri ‘l barra bla kliem u bla sliem.