“Ejja waħda malajr sal-ewwel uffiċju,” qal Gerard lil Mario.
“Urġenti?” staqsa Mario
“Ħafna,” wieġbu Gerard.
Mario tefa’ l-iskrin tal-kompjuter bil-ġirja u mar sal-uffiċju. Hemm sab lil Gerard jistenieh, li b’ton ta’ rabja qallu, “Ħu naqra paċenzja Mario, għandna dal-fajl mimli żbalji. Għandna xi dettalji neqsin. Ħu ħsieb li jkollok il-firem kollha fil-fajl.”
“Hemm kienu,” wieġbu Mario mħawwad.
“M’humiex hemm,” reġa’ Gerard u issa bħal donnu ser jitlef sabru.
“Mela ntilfu!”
“Iġri ġirja b’kemm għandek saħħa u mur s’għand O&S Supplies ħa jiffirmawlek malajr. Jekk ma nagħmlux din il-biċċa xogħol illum ser nitilfu kwart ta’ miljun.”
Mario ħass l-għaraq ixoqq għalih. Bla ma qagħad wisq jaħsibha qabad u telaq ‘il barra.
Gerard ittawwal mit-tieqa żgħira tal-uffiċju u rah sejjer bil-karozza. F’dak il-ħin daħal Jesmond.
“Żgur telaq?” staqsieh.
“Iva. Mur malajr.”
Jesmond mar ħdejn il-kompjuter ta’ Mario u daħal fis-sistema. “X’inhu ċuċ!” ħaseb bejnhu u bejn ruħu, “Ħalla kollox miftuħ.”
F’kemm ili ngħidlek qam u reġa’ mar fejn Gerard.
“Bil-lest jien, “ qallu. “Bgħatt permezz tal-indirizz elettroniku tal-kumpanija ta’ Mario. Issa ovvjament ser joħroġ li dal-messaġġi ħżiena ġejjin anke mis-sistema tax-xogħol.”
Gerard daħak bil-qalb. “M’hawnx bħalek!” qallu.
Ftit tal-ħin wara ċempel it-telefon. “Hemm hu. Infern ġej għalih!” għorok idejh Jesmond.
Kif qabad it-telefon wiċċu sfar. Rapport lill-pulizija, dwar użu ħażin minn sistemi elettroniċi.
“Il-ġurdien waħdu jinqabad,” qal f’qalbu Mario waqt li kien wieqaf fil-karozza.