Il-Grupp fuq l-Internet

Għidli Mitejn, 4 ta’ Diċembru 2019

Mark intefa’ waħdu fil-garaxx. Hemm kellu l-kompjuter. Ħuh kien qallu li antik imma kien jogħġbu. Dan il-grupp dan l-aħħar sar jogħġbu aktar mis-soltu. Grupp li jiddiskuti l-ħwejjeġ imma kien miżgħud bl-ommijiet. Saru l-ħdax u nofs ta’ filgħaxija, imma kien eċitat biex ifittex jidħol. Kif kien qed jagħmel dan l-aħħar daħal bi psewdonomu li jindika li huwa omm. Issa sar jismu mum40.

“Jien xtrajtilha libsa taċ-chiffon, bizzilla taqwis, ilbies biċ-ċinturin.

Tmur għal dan iż-żmien?” bdiet tistaqsi persuna bil-psewdonemu Lucy29.

“U komma twila?” tistaqsi mum40.

“Le nofs komma. Imma tiegħi ma tħossx bard ta…”

Mark fetaħ taħdita privata.

“X’tilbes taħtu mbagħad?”

“Xejn ta. Però binti kollox idejjaqha.”

Mark daħħalha f’rasu li ma jafdax lil min kien qed ikellem. Dakinnhar għamel lejl sħiħ inkwetat. Ħassu ngannat ftit huwa wkoll.

L-għada filgħaxija reġa’ qabad taħdita permezz ta’ messaġġi.

“Tiegħi xtrajtilha libsa ħafifa kollha frilli.”

“X’tilbes taħtu?”

“Tilbes size kbir u allura ħsibtilha.”

Dan żgur raġel, ħaseb bejnu u bejn ruħu.

Issa beda jiddejjaq. Intebah li ma’ kull min beda jitkellem kien raġel. Ħaseb biex forsi jgħid ftit lill-moderatriċi ta’ dan il-grupp. L-għada filgħodu baqa’ ma ġiex f’tiegħu. Ħassu migdum. Fittex ftit fuq l-internet u aħbar laqtitu. Raġel ta’ 55 sena investigat mill-pulizija b’akkużi dwar pedofilja, fosthom permezz ta’ grupp fuq l-internet illi ħoloq. Ma riedx jemmen lil għajnejh.

Dan kien l-istess grupp li daħal fih hu.