Kien appartament imdaqqas. Kmamar kbar u spazju fejn nistrieħu wara ġurnata xogħol.
“Il-familja li kienu joqogħdu hawn kienu nies sew ħafna”, bdiet tgħidilna s-sinjura.
“Bħalkom, ma ridux jixtru. Dejjem kienu komdu jħallsu l-kera.”
“Mhux għażla tagħna!” irreaġixxejt konxja tal-prezzijiet eseġerati tal-bini.
“Imsomma kulħadd jagħmel kif iħoss”, wieġbet bħal donnu ħasbet li ser tikkunslani.
“U l-garaxx fejnhu?” staqsa Mark, li issa beda jiddejjaq bil-paroli. Stennejtha dil-mistoqsija. Minn dejjem insista li ma jħallix il-karozza barra. Tbissimna lkoll.
“Iva mela ħa nurik,” dlonk weġbitu. Tista’ tinżel bil-lift ukoll. Mark kien fuq ix-xwiek u deher ovvju li ried ifittex jinżel. Ħriġna fil-komun. “Hawnhekk sar xogħol ta’ tisbiħ. Minbarra l-lift bdilna l-irħam tat-taraġ.
Inżilna isfel. Numru ta’ garaxxijiet. Is-sinjura ħarġet mazz ċwievet u fetħet il-garaxx numru 15.
“Issa tagħkom speċjali!” kkummentat b’ċerta espressjoni bħallikieku riedet timpressjonana.
“Inti Mark għandek kamra kbira fejn tista’ taħdem,” kompliet. “Uff”, ikkummentajt f’qalbi. “Bdejna bis-soltu differenzi fix-xogħol tal-mara u r-raġel. 2019 u bqajna l-istess.”
Wara l-garaxx nara bieb żgħir. U warajh kamra b’ġebla ħafna eqdem u kien jidher ċar li l-blokka t’apartamenti nbniet fuqha.
Ħadt nifs twil ‘il ġewwa. Dik il-kamra familjari. Din id-dar li ħadulna meta kien għad kelli biss sentejn.
Ħassejt rabja kbira. Ftakart f’ommi u l-marda li ħakitha wara li spiċċajna bla saqaf fuq rasna.
Għidli Mitejn, 5 ta’ Marzu 2019