Id-Direttur

Għidli Mitejn, 11 ta’ Settembru 2019

L-għajjat ta’ wara l-elezzjoni kien għadu jidwi f’moħħu. Ir-riforma fid-Dipartiment affetwatu sew però kien jemmen bis-sħiħ li seta’ jwassal lill-post tant għal qalbu ‘l quddiem. Dakinhar bħas-soltu daħal fl-uffiċju u poġġa wara l-iskrivanija. Wara ftit bdew ġejjin il-kollegi.

“Bonġu Sur Direttur!” laqgħu Gerard b’dik id-daħka tas-soltu. Ma kienx ħelu, imma biha kien jattira lil erba’ tfajliet li kienu ilhom jafuh mill-inqas għaxar snin. Mario kien jifhem li magħhom kien jimxi ferm differenti milli miegħu.

“Qed inħoss li m’hawnx xogħol biżżejjed. Nemmen li d-Dipartiment jista’ jimxi ħafna aktar ‘il quddiem,” wieġbu Mario.

“Ħa nkompli jien, “ qallu Gerard. “Isma’, ma tħossx sħana b’dik l-ingravata?”

Mario fetaħ idejh, bħal speċi ried jgħidlu li iva imma jkollu jissaporti.

“Mario persuna importanti, bilfors hekk ikollu jilbes,” iddefset Svetlana b’nofs tbissima. Imbagħad ħarset lejn Gerard u minn taħt l-ilsien qaltlu, “Il-fajls li kellu lestihom.”

Għaddew ftit minuti u Christopher kien għaddej mill-kuridur u dehrlu li sema’ lil Mario jibki.

Daħal ħdejh. “Xi ġralek ħabib? Ejja nagħmlu żewġ passi.” Qabdu minn spalltu u bdew mexjin lejn il-bitħa. Dak il-ħin joħroġ Gerard, u b’ħanġra daqsiex jgħajjat, “Fejn sejrin? Il-break fin-nofs siegħa.”

Kif ħarġu barra Christopher taptap fuq spallejn Mario. “Qed toħodhom il-pirmli ħabib? Gerard għamillek wisq ħsara lilek. Ma kienx kuntent li ħadlek il-post li kien jistħoqqlok.”

(Verżjoni twila ta’ din in-novella ikklassifikat fit-tielet post fil-Konkors Letterarju 2022 organizzat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun)