Talba f’mument ta’ bżonn
Sħaba sewd’ għaddejja fuqi
Int Mulej it-tama tiegħi.
Lejk irressaq dit-tbatija
Nitlob sabiex tibqa’ miegħi.
Dawk idejk mimlija qawwa
Fuq il-morda inti tfajt.
B’ħarstek dejjem lejn is-sema,
B’setgħa kbira int fejjaqt.
Sliem ħassew dawk ta’ madwarek.
Barka tajt kull fejn għaddejt.
Folol ġew warajk bi ħġarhom.
Lejhom tjieba int urejt.
Hemm kuraġġ li qatt ma kelli?
Meta qatt daqshekk batejt.
Hemm serħan fl-qalb għalija?
Jew sliem li qatt ma ħassejt?
Naf li jien m’inix speċjali,
Bħal kulħadd jiena umana.
Iżda f’l-hemm lejk nirrikorru,
sabiex tilqa’ t-talba tagħna.
Talb għal grazzi speċjali
Nagħraf tajjeb Mulej,
id-dgħjufija tiegħi bħala bniedem;
il-fraġilita’ tiegħi bħal ward li jitbielu.
Naf li jekk ma nersaqx lejK,
xorta m’inix aktar minn dak it-trab li sawwarni
u li trab ser nerġa’ nsir.
Imma għax nemmen fiK,
Inti se timlini bil-qawwa,
bħalma mlejt lid-dixxipli nhar l-Għid il-Ħamsin.
Naf li meta ser jagħmel bija l-ġuħ wara jiem sajjem,
Inti ser trejjaqni.
U nemmen li meta farrkuk, kissruk u qatluk
Inti qomt mill-imwiet.
(a)
Fejn Inti Mulej, jewwilla għadek rieqed fid-dgħajsa?
F’din it-tbatija tiegħi leħnek sieket.
Flok ħdejja narak fil-bogħod.
Imweġġgħa. Waħdi.
Iżda anke meta l-Fidi tiegħi tibda tmajna,
niftakar fis-Salib.
Is-Salib biss l-unika tama tiegħi.
Is-Salib biss l-unika faraġ.
(b)
Meta kull bieb li nħabbat
jinstabat ġo wiċċi
inħoss bħal diqa
bħal karba siekta
fil-ġewwieni tiegħi.
Meta r-riħ idur kontrija
niġġerra għajjien
bla ma nsib ħajt ma xiex inserraħ.
Tħallix Mulej
li l-munita dejjem iddur kontrija.
Tħallix Mulej
li dejjem niġi l-aħħar fit-tiġrija.
Mulej, dan is-sentiment
li ħadd ma jifhmu;
il-kliem li ma jinstab fl-ebda dizzjunarju.
Din ħajti Mulej
li qiegħda tmut minn ġewwa.
Din il-bikja silenzjuża tiegħi.
Dan l-għana ta’ vistu.
Dan….
(c)
Mulej,
għada
l-mewġ ser iħabbat bil-qawwi
u l-baħar se jissieled max-xtajtiet.
L-irwiefen se jtajru kull ma jsibu.
Għada
se jagħmel maltemp kbir.
Għada
x-xemx ser tistaħba wara s-sħab
u s-sema kaħlani se jsir griż.
Is-siġar ser iwaqqgħu il-weraq.
Għada
se jagħmel maltemp kbir
Għada
kun miegħi Mulej.
(d)
Indur u nisma
mużika mill-isbaħ mill-aqwa pjanist
iżda ta’ kompożitur kbir li ma rajtx.
Inħares u nara
għasfur jiekol
għax Alla qed jitimgħu.
(e)
Minn bejn iż-żonqor, bejn il-qlub ta’ l-azzar
f’dan iż-żmien fejn l-arloġġ ma jistenna `l ħadd
Minn qalbi it-tajn u l-ġebel, titla’ warda
li tfakkarna fl-ewwel żerniq met’ Alla
fetaħ is-separju fuq din id-dinja.
Ftit il-bogħod minn dan id-deżert hemm oasi.
(f)
Iebsa biex nifhem kif Kristu miet fuq salib,
biex jagħtina l-ħajja, jew kif id-duwa
hi meħtieġa għall-fejqan ta’ saħħitna.
Bħalma qatra xita tinżel fuq werqa.
Il-qatra tinżel fuqha u titmagħha.
Il-werqa ħarset lejn il-qatra tonda
u fiha rat lilha nfisha mbikkija.
Il-qatra daħlet fil-werqa u dabet,
u l-werqa bdiet titħassar lilha nfisha:
“Għaliex se tħallini hawn waħdi?”
Iżda għexet mingħajr il-qatra xita,
iżda għexet permezz tal-qatra xita.
(g)
Ħajr Mulej
għal kull ma tajtni
u nitolbok
tkompli tagħtini l-qawwa
sabiex insir suldat
tal-paċI tiegħek.
Iżda qabel xejn nitolbok
tinżel fija
u tagħtini l-paċi f’qalbi.
Għaliex Mulej meta nsejtek
moħħi ma kienx kwiet.
Għaliex Mulej meta warrabtek,
paċi f’qalbi ma sibtx.
Inħalli lilek Mulej,
tmexxini Int.
Talba għall-interċessjoni ta’ Ommna Marija
Ommna Marija,
nitolbok quddiemek imtaqqla bit-toqol tal-ħajja,
nitolbok bi ħrara biex
kif intervjenejt fit-tieġ ta’ Kana
u għidt lill-qaddejja “għamlu kif jgħidilkom Hu”,
Isma’ din it-talba tagħna
_______________________
U aqlagħlna din il-grazzja.
Meta ma nkunx niflaħ inżomm fuq saqajja
Insib ħajt ma’ xiex inserraħ.
Meta nterraq f’xagħri fl-għomma,
toħodna f’art tnixxi ħalib u għasel.
Is-salib tqil ta’ Ġesù
Is-salib li ridt iġġorru.
Bħalna għext taqtiegħ il-qalb.
Kif fil-ġnien id-demm bdejt tegħreq.
Wrejtna kif irressqu t-talb.
Bis-saħħa tal-qawmien mill-mewt tiegħek,
għinna nerfgħu s-salib tal-ħajja (X 3)
Bħalna sirt, fraġli u dgħajjef
sabiex aħna ‘ktar nifhmuk.
Sa ma ħadt l-eħrex tbatija
l-eħrex swat li bdew jagħtuk.
Bis-saħħa tal-qawmien mill-mewt tiegħek,
għinna nerfgħu s-salib tal-ħajja (X 3)
Fuq rasek xiddew kuruna.
B’dak ix-xewk biex żebilħuk.
Umiljat minn bnedmin bħalna,
li bil-bsaten bdew jagħtuk.
Bis-saħħa tal-qawmien mill-mewt tiegħek,
għinna nerfgħu s-salib tal-ħajja (X 3)
Is-salib ġagħluk iġġorru.
Għamilt dan bl-akbar tbatija.
Biex turina li fl-hemm qalbna,
b’tama għandha tibqa’ mimlija.
Bis-saħħa tal-qawmien mill-mewt tiegħek,
għinna nerfgħu s-salib tal-ħajja (X 3)
Fuq salib minxur mill-bniedem.
Tant ħruxija int sofrejt.
Bħalna sirt ħadt it-tbatija.
L’għan l-għalih fid-dinja ġejt
Bis-saħħa tal-qawmien mill-mewt tiegħek,
għinna nerfgħu s-salib tal-ħajja (X 3)