Riflessjoni dwar it-tbatija permezz tal-ktieb ta’ Ġob

It-tbatija hija mistoqsija ewlenija eżistenzjali li tmur lura għal diversi snin. Il-Ktieb ta’ Ġob jitratta dan kollu u għalhekk nittama li din ir-riflessjoni tiggwidana kif għandna nħarsu lejha, bil-ħsieb li l-Fidi tqawwina u ssaħħaħna. Aħna bħala bnedmin għandna l-limitazzjonijiet tagħna, daqs kemm għandna wkoll bżonnijiet fundamentali. Fost oħrajn għandna dritt għall-ħajja, l-ikel u xorb, ngħixu ħajja diċenti, post, ħwejjeġ u diversi oħra. Il-bniedem irid ikollu sigurta’ għall-futur. Tant li s-suwicidju jiġi meta bniedem jitlef it-tama. Il-bniedem għandu wkoll bżonn spiritwali fosthom li jħobb u jkun maħbub. Kulħadd għandu ix-xewqa fih, li jkun ikkunsidrat bħala ‘persuna’.

ll-problema fil-ktieb ta’ Ġob qiegħda fil-kontradizzjoni bejn id-duttrina tal-ġustizzja t’Alla u l-fatti tal-esperjenza umana. Jekk Alla huwa ġust, għaliex iħalli l- innoċenti ibati u l-ħażin igawdi? Dan donnu qed imur -il bogħod saħansitra minn dak li nsibu fil-Proverbji (11, 25-29) fejn insibu li t-tajbin igawdu u l-ħżiena se jbatu. Hawn għandna dikotomija f’dak li naraw fil-ktieb ta’ Ġob.

Sa l-1940 ħafna sabu spjegazzjoni għal din it-tweġiba fit-taħdita dettaljata bejn Ġob, Elifaż, Bildad u Sofar (Dell, K.J., The Book of Job as Sceptical Literature, Walter de Gruyter, Berlin, 1991., p.35).   Fost ir-raġunijiet illi jingħata hija li Alla huwa ġust u li Ġob kien qed ibati minħabba dnubietu. Għal darb’oħra dan id-djalogu dwar il-ġustizzja t’Alla huwa simili ħafna mhux biss għal kotba tal-Għerf li nsibu fit-Testment il-Qadim imma anke għal dawk misjuba fil-Babilonja fost oħrajn. Ir-Re Ġob tal-Babilonja kien Re tajjeb u ġust imma li sofra minn mard u anke safa mwaqqa’ għaċ-ċajt minn sħabu (Pritchard, J.B., Ancient Near Eastern Texts, Princeton, 1950, pp. 434 – 437). 

Iżda il-qofol fl-istorja ta’ Ġob jidher li huwa mhux li nifhmu għalfejn aħna nbatu għaliex fl-aħħar Alla wissa lil Elifaż, Bildad u Sofar. It-tifsira tal-istorja tidher li hija ħafna aktar minn soluzzjoni intelletwali għall-misteru tal-ħajja (Glatzer, N., ed., The Dimensions of Job, Stocken Books, New York, 1969, p.124). 

Il-bniedem huwa miexi lejn il-verita’, u xi ħaga li tiddistingwieh minn annimali oħra hija din li dejjem riesaq lejn il-verita’. L-Insara kollha għandhom sehem fl-għarfien u fit-trasmissjoni tal-verita’ rivelata u jwassalhom għall-verita’ kollha (Katekizmu tal-Knisja Kattolika 1993).   Santu Wistin, wieħed mill-missirijiet tal-Knisja, kien f’mixja waħda lejn il-verita’. Fid-djalogi tiegħu ma’ Alla insibuh jgħid, li fittex lil Alla barra minnu, imma ma ntebahx li kien gewwa fih. Iżda f’Ġob jidher illi hemm xi ħaġa bil-wisq aktar fundamentali milli soluzzjoni intelletwali għall-misteri tal-ħajja (Glatzer, N., The Dimensions of Job, Shocken, New York, 1967, p.124).   Fit-tbatija għandna wkoll inkunu xhieda Tiegħu.

Aħna ma nistgħux naslu biex nifhmu b’moħħna x’hemm fil-qalb tiegħU.

Iżda ejja nippruvaw nifhmu ftit il-Ktieb ta’ Ġob u x’qed joffrielna.

Kuntest

It-tlett iħbieb ta’ Ġob li ġew biex iżuruh u jagħtuh it-twissijiet tagħhom kienu ġejjin minn Teman li kienet tinsab f’Edom fin-Nofsinhar tal-Baħar il-Mejjet, Suħa x’aktarx fil-Meżopotamja jew fit-tramuntana Għarbija, u Nagħama illi ma nafux eżatt fejn kienet tinsab (Bratcher, R., Marginal Notes for the Old Testement, United Bible Socieities, London, p, 87)

L-atmosfera hija dik ta’ żmien patrijarkali qabel it-twaqqif ta’ Israel bħala nazzjon (Gutierrez, G., On Job, Orbis Book, New York, p.3. also in Italian translation, Parlare di Dio a partire dalla sofferenza dell’innocente, Editrice Queriniana, 1986). L-awtur inqeda b’diversi stili letterarji differenti u għandu influwenza mil-forom letterarji sapjenzali u profetika u fis-Salterju.

Imma meta tqabbel il-ktieb ta’ Ġob ma’ oħrajn li setgħu ntużaw bħala l-mudell għalih, issib li Ġob huwa bil-qabda aktar kumpless u ifjen mill-mudelli li jħaddem (Abela, A., Daħla ghall-Ktieb ta’ Gob, Enigma li nibxet il-qaddejja f’kull zmien).

Ġob, fl-istorja huwa raġel mill-art ta’ Għuż. Din l-art x’aktarx li minħabba li kienet art fertili kienet tiġbor nies qrib xulxin. Ix-xmajjar tal-Ewfrates, il-Ġordan u n-Nil kienu jattiraw ħafna nies minn kulturi differenti u kif wieħed jista’ jistenna kellek taħlit ta’ ideat u kulturi. Dan seta’ jinfluwenza ħafna fil-kitba ta’ dan il-ktieb u l-istorja jista’ ikollha influwenza minn kulturi tal-Mesopotamia jew Eġizzjani fost oħrajn fejn sabu tip ta’ kitba simili. Dan ma jistax ifisser lanqas li l-istorja ma tistax tkun bijografija għaliex huwa possibli ħafna li wieħed jgħaddi minn din l-istess esperjenza u ħsibijiet għal kull wieħed u waħda minna, għalkemm l-istorja setgħet ġiex imebbda u eseġerata biex tidher aktar l-id t’Alla.

Ir-reazzjoni tal-bniedem għat-tbatija

X’jagħmel il-bniedem meta jkollu iħabbat wiċċu mal-problemi?   Ġob ma baqax gwejjed quddiem it-tbatija imma donnu irribella kontra l-inġustizzja. Ġob ra dak kollu li kien għaddej mingħalih u “wara dan fetaħ fommu, seħet jum twelidu” (Gob 3: 1).   

Kapitlu III, permezz ta’ metafori mill-aqwa kollha jesprimu il-frustrazzjoni li kien għaddej minnha Ġob. Ħafna nies mhux biss jistaqsu għaliex Alla jippermetti it-tbatija imma anke fit-tbatija donnu Alla jinsina.  Tant li jgħidlu “Jien ngħajjatlek u ma tweġibnix. Nibqa’ nsejjaħ u ma tagħtix każi!” (Gob 30: 20). 

Fit-test kollu Ġob jidher li qed jirrapreżenta aktar milli lilu nnifsu, imma qed jirrapreżenta l-umanita’ kollha (Sheldon, R., Job as Man on Trial, cspar181.uah.edu/Rbs/JOB/j24.html, 1999).   

Is-sovrenità ta’ Alla

Alla jidher tant qawwi u b’saħħtu li donnu anke ix-xitan stess jidher qiegħed jitlef. Tant li nsibu “Għeri ħriġt min ġuf ommi, għeri nerġa’ immur hemm. Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli” (Gob 1:21).

Bildad jaffermalu li Alla kien kbir hu ġust f’dak kollu li jagħmel. Alla hu kbir u l-bniedem ma’ jiswa xejn ħdejn il-Kobor ta’ Alla. Alla huwa wkoll ġust u ma jwarrabx lil xi ħadd minna. Ġob donnu jifhem dan il-kobor u jammetti l-ġustizzja t’Alla, u għalhekk isaqsi raġuni lill-Kobor t’Alla għaliex tilef kollox “Tikkundannanix, urini l-għala għandek għalija” (Gob 10, 2). 

Sofar huwa tal-fehma li Alla jikkastiga lil dawk li jipretendu li huma Qaddisa aktar minnu, u aħna lanqas biss missna nitkellmu u nilmentaw,

“Hu ogħla mis-smewwiet: kif se tilħqu?
Hu aktar fond mill-Qiegħ: x’taf int bħalek?”  (Gob 11, 8).

It-tbatija mhux kawża tal-ħażen

L-awtur sagru permezz tar-rakkont tal-ħolqien irid jgħallimna li Alla ħalaq kollox tajjeb u kien il-bniedem li ġab il-ħażin. Dan iżda jeħtieġ aktar spjegazzjoni fl-ambiti differenti tal-ħajja , minħabba li hemm elementi u diffikultajiet li l-bniedem m’għandux kontroll fuqhom. Dan irridu narawh fil-kuntest illi għal tul ta’ żmien anke fis-soċjeta’ Ewropeja kienu jaħsbu illi nies bi bżonnijiet speċjali, u sofferenzi huma kawża tal-ħażen u d-dnub. Xi wħud kienu jaħsbu li dan kien kawża tad-dnub tal-antenati. Fil-ktieb ta’ Ġob għandna il-karattru ta’ Elifaż li qed jgħid illi t-traġedja tiegħu Ġob ġabha fuqu bi dnub.  Għalhekk insibu:

“Milli rajt jien, dawk li jaħsdu l-ħażen

u l-għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħżdu (Gob 4: 8).”

Il-fatti kienu bil-kontra. Ġob kien raġel ġust u jibża’ minn Alla, imma xorta kellu jgħaddi minn dawn il-mumenti diffiċli.  U  jgħid:

“Għalhekk jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifimhomx,

ħwejjeġ kbar wisq għalija, ma nafhomx (Gob 39, 3).”

Interessanti li fil-ktieb l-awtur iħalli l-ispazju kollu biex Elifaż, Bildad uSofar jippruvaw isibu raġuni bil-kategoriji tal-letteratura sapjenzali, li tghid fost oħrajn li t-tbatija hija dejjem kastig tad-dnub (Abela, A., Dahla ghall-Ktieb ta’ Gob, Enigma li nibxet il-qaddejja f’kull zmien).

Elifaz qal li Ġob kien qed jiġi ikkastigat għal xi ħaġa ħażina li seta’ għamel u talbu jitolb maħfra. Ġob iżda jagħraf l-innoċenza tiegħu u li hu ma kienx jistħoqqlu il-kastig, tant li jgħid:

“Bla ħtija ngħid li jien;
ma rridx naf aktar fuqi nnifsi (Gob 9, 21)

Elihu mill-banda l-oħra jidher li hu tal-fehma li Alla jiddixxiplinana biex iżommna umli u li t-tbatija huma twissija għal dnubietna (Smargon, A.J., Theodicies in the Book of Job, 1994)

Madankollu jidher li fl-aħħar Alla jippremja lil Ġob, anzi wissa wkoll lil dawk li kkritikaw lil dan il-persuna ġust.

Konklużjonijiet

Il-Ktieb ta’ Ġob ma joffilna l-ebda soluzzjoni għall-problema tat-tbatija u għall-kriżi tagħna. Għaldaqstant iħallina nirriflettu imma fid-dawl tat-tliet ċikli flimkien; jiġifieri ir-rakkont, it-tlett iħbieb u t-twissijiet tagħhom u l-aħħar messaġġi fejn Ġob spiċċa bħala r-rebbieħ. Fil-fehma tiegħi Alla qatt ma jridna nbatu, imma in-natura mhiiex perfetta. Li kieku kienet perfetta kieku ma nistgħux nitkellmu dwar Alla, għax in-natura stess ikollha l-istess livell ta’ perfezzjoni. It-tbatija għandna nħarsu lejha permezz tal-fidi, jiġfiieri kif iħares lejha Alla. Alla ma jippremjax lil nies għonja bħal ma kien Ġob u lanqas jista’ jkun li jippermetti biss nies sinjuri bħal ma kien Ġob. Ġob ma setax jiċħad lil Alla għax ftaqar u bata. Lanqas huwa minnu wkoll li dan kien xi kastig ta’ Alla. Id-dinja kif ħalaqha Alla hija dinja mlaqqta b’persuni u esperjenzi differenti, ilkoll f’mixja waħda li nagħrfuh. Madankollu ma nkunux għaqlin jekk nippruvaw nifhmu xi jrid Alla minna, u bl-ebda taħriġ intelletwali ma nistgħu naslu għal dan, jekk ma nagħrfux fuq kollox lil Alla biex naslu għal x’hemm fil-qalb tiegħu. Nagħrfu lil Alla bl-esperjenza tal-Fidi huwa l-aktar li nisgħu naslu għal xi jrid Alla minna, sew fil-ġid u sew fit-tbatija.