Daqshekk! Ma rridx noħroġ miegħek

Pubblikata fil-ktejjeb Sigrieti tal-Qalb: Nostalġija ta’ Ħlewwa u Mrar u stejjer oħra (2000)

Dak in-nhar filgħaxija ħriġt barra nimxi bil-mod mgħobbi bi ħsibijiet tqal.  Intfajt bilqiegħda fuq bank, bla ma naf x’jien nagħmel.  Ħassejtni waħdi wisq.  Ħarist `il fuq u nara r-raġġ bajdani tal-qamar li laqatli qalbi.  Ġab fija memorji sbieħ li jitmermru qajl qajl.  Quddiem għajnejja bdew jiġubi bħal espisodji differenti kollha konfużi u mħawdin li jagħmlu parti minn storja romantika waħda.  F’waħda minnhom, wara l-irtokki tal-lipstick, Miriam, it-tfajla li kont għadni kif infridt minn magħha, bil-kariżma u s-sbuħija tagħha. Imbagħad bħal nistħajjilha tiġi fuqi, tgħannaqni, tibki bil-ferħ, u jien … inċarċar demgħat sħan fuq ħaddejha biex tibqa’ żżommhom tifkira tiegħi.  Imbagħad dik il-bewsa tqila ħassejtha tagħtini ċerta passjoni u sigurta’.

U issa nħossni mitluf wisq.  Bdejt nagħraf il-qawwa hekk kbira u misterjuża li għandha l-imħabba.  Iva. Ftit ilu kont miexi fit-toroq ta’ Paceville, nidħol fil-postijiet ta’ divertiment bla ma naf fejn sejjer.  Għandi n-nieqes fija u nħoss il-bżonn ta’ xi ħadd li jifhimni.  Forsi għad jasal żmien meta Miriam tisma’ il-karba mdejqa tiegħi.  Forsi għad jasal żmien meta nserraħ il-malenkonija li nħoss ġewwa fija.  Imbagħad nerġa’ nħares għall-aħħar darba lejn il-qamar, tiela’ dejjem aktar `il fuq u nidħol f’soddti.  Is-sħana ta’ ġisimha nħossha bħal tinfirex ma’ ġismi kollu u tagħtini bħal serħan.  Moħħi mar lura, mera kont qrib tagħha.  Għadni niftakar l-aħħar jum li ltqajt magħha…u ma nafx..ma nafx kif għażilt il-firda.  Żbaljajt u issa irrid inpatti qares tiegħu. 

Immur lura għal dak il-jum.  Ix-xemx tiżreġ fuqi, donnha bdiet titlifli kull aptit.  L-għelieqi ħadrana ta’ taħt l-Imdina, maħdumin b’disinji differenti, bħal twapet naturali l-ġmiel tagħhom.  F’ nofs waħda minn dawn l-għelieqi imdawrin bil-baħħ ta’ madwarna, Miriam u jien, waħidna, solitarji.  Issa r-rebbiegħa daħlet ġmielha u taħt il-ħitan tas-sejjieħ, il-fjuri jdawru wiċċhom lejn ix-xemx u bħal titbissmilhom hekk kif tilħaq kull petala minn tagħhom. Niftakar meta konna żgħar konna naqtgħu petala petala u ntennu l-kliem “tħobbi u ma tħobbix”.  Illum donnha ma baqgħetx aktar logħba tat-tfulija, iżda l-istess kliem saru jfissru velenu jew qsim il-qalb. Ir-rebbiegħa ġġib magħha wkoll il-ġbir tal-patata, xogħol li jitlob saħħa u strapazz.  Missier Miriam, f’dawn iż-żminijiet fetaħ ir-raddi permezz tal-mutur, u l-familja kollha erħilhom jiġbru bi ħġarhom il-patata.  Kont ili fl-għalqa minn filgħodu flimkien ma’ omm u missier Miriam.  Iżda wara nofs in-nhar, il-ġenituri ta’ Miriam ħtiġilhom jitilqu u kellna nkomplu x-xogħol li fadal waħidna.  

“Tinsiex li jekk il-patata tkun ħadra jew marida irridu narmuha,” fakkritni Miriam filwaqt li kompliet, “u l-kbira għamilha għaliha.”

Fil-bidu tar-radda il-kaxxa li bdejna nwaddbu l-patata fiha tkun ħafifa, iżda aktar ma bdejna nitilgħu `il fuq, aktar titqal.  

“Għada taf kif se tqum bil-qtugħ ta’ laħam,” qaltli, “wara jum taħdem.”

“Tabilħaqq,” komplejt magħha. “Għandi dahri bilkemm nifilħu x’juġgħani.”

“Għall-ewwel bilfors ħija.” reġgħet. “Kważi anke jien li mdorrija.”

Tbissimt ħafif u ammirajt is-sbuħuija tagħha. Mhijiex artifiċjali, iżda naturali.  Il-figura ta’ dik it-tfajla quddiemi bdejt inħossha dejjem aktar tiġbidni lejha. Ir-riġlejn b’saħħithom ta’ tfajla raħlija, sodi bla ma mielu, lesta biex tlesti x-xogħol tagħha.  Għall-kuntrarju jien ħassejt nifsi jinqatagħli u għamilt l-almu biex ma nidhirx li kont għajjien. 

“Jien bħala poeta,” bdejt ngħidilha, “inħoss xenqa għar-raba’.  Il-poeżija tradizzjonali hi bħal għanja ta’ ferħ u tgħanni l-ġmiel tal-ward.”

Il-karattru tiegħi, sensittiv, dgħajjef kien għall-kuntrarju dak tagħha.  Jien dejjem mitluf f’dinja tal-ħolm donni ma kontx ċert minni nnifsi.  Xtaqt naħrab mill-għalqa u nerġa’ lura għall-atmosfera li kont imdorri fiha.  Mil-banda l-oħra s-sbuħija tagħha kienet togħġobi wisq.  

“Tassew issaħħarni,” bdejt ngħidilha bil-mod, “l-imġieba tiegħek li turi b’mod ħieles dak li qiegħda tħoss minn ġewwa.”

“Għalija int m’hemmx ieħor bħalek,” kompliet miegħi. “Għas-sens romantiku tiegħek…għall-poeżija tiegħek..għall-…”

U mal-aħħar kelma tagħha bisna lil xulxin u bqajna f’dirgħajn xulxin f’nofs dik l-għalqa.  Intfajna fuq il-ħamrija, waħidna, hi u jien biss.  Għalkemm Miriam kienet taf kif għandha tagħti sens lil ħajjitha, kienet tagħti wisq każ il-preżent.  Miriam kienet ix-xebba li taf tħobb, li moħħha kien biss fija u ma kelliex fantażiji.  Dak li kien nieqes fija ridt insibu fi tfajla oħra, ħadd ħlief Sandra, li sirna ħbieb kemm ilna l-iskola flimkien.  Sandra kellha karattru differenti minn dak ta’ Miriam, u ngħid il-verita’ aktar naraha ħelwa.  Kont ili nistenna li naħtaf l-okkażżjoni biex ngħidilha, forsi xi darba noħorġu flimkien.

L-infattwazzjoni li kelli lejn Sandra, bdiet issir fissazzjoni.  Bdejt niġri warajha, infittixha kullimkien.  Bdejt inħoss il-bżonn li naraha dejjem aktar.  Minkejja li kont naraha l-iskola kuljum, qatt f’ mitt sena ma kont nobsor fejn se niltaqa’ magħha.  Dak in-nhar kelli bżonn inwassal lill-kuġina ż-żgħira għal-lezzjoni tal-ġinnastika.  Għandha biss sitt snin, u dak in-nhar ziti ma setgħetx twassalha.  Ħallejt lill-kuġina tgħidli hija fejn tridni neħodha, għaliex att ma kont mort.  Daħħlitni f’ sala kbira, li kienet attrezzata tajjjeb ħafna.  Malajr intbaħt li wasalt fil-post tajjeb, għaliex f’ dik is-sala nara daqs għoxrin tfajla bil-leotard.  Dak il-ħin insejt lil Miriam, u l-għerusija tiegħi u tagħha.  Komplejt inħares u f’ daqqa waħda nilmaħ ix-xagħar twil sewdieni ta’ Sandra.  Għal kemm kienet liebsa leotard safra, u xagħarha twil kien miġbur toppu, għaraftha mal-ewwel.  Qalbi għamlet tikk.  Bqajt inħares ċass, u f’ dak il-ħin hi ħarset.  It-tbissima tagħha kienet tfisser li għarfitni.

Għamlet sinjal b’ rasha, u resqet lejja b’ ġirja ħafifa.  Ma kontx naf kif se naqbad nibda.  Qtajtha li ngħidilha mill-ewwel.

“Sandra,” bdejt ngħidilha bil-mod.  “Ara ssibx xi ħin biex inkellmek daqsxejn waħdek.”

“Mhux issa,” weġbitni.  “Għad jonqosni ftit ieħor.”

“Tibżax,” aċċertajtha.  “Int wara ma tistax?  Reġa ġej għal kuġinti.”

Sandra qablet miegħi, u jien ħallejtha li se niltaqa’ magħha biex inkellimha kif tispiċċa l-lezzjoni.  F’ daqqa waħda, ħsieb ieħor għadda minn moħħi.  X’ kont se nagħmel b’ kuġinti?  Issa sar għandha sens biżżejjed u kienet taf li jien kont għarus ma’ Miriam.  Ħriġt barra u bqajt nistenna fuq it-taraġ.  Minn moħħi għaddew ħafna ħsibijiet.  Li kieku kelli ngħid lil Sandra li ma stajtx inkellimha ma kontx inkun prudenti.  Wara xi nofs siegħa, nisma’ ħafna diskors u għajjat.  Dħalt niġri l-ġewwa u nara t-tfajliet ħerġin, u sejrin ibiddlu l-ħwejjeġ.  Din id-darba, rajt lil Sandra mal-ewwel.  Qaltli biex nistennieha sakemm tixħet libsa fuqha u żarbun.  Kont ixxurtjat li l-kuġina kienet għadha sejra bil-lezzjoni.  Sandra lestiet minnufih.

“Sandra … tabilħaqq li għadni qatt ma rajt tfajla bħalek.  Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħdha tikber din il-ġibda li għandi lejk.”

Sandra waqfet taħseb.  Ma kinitx taf li kont noħroġ ma Miriam.

“Ħalli ngħidlek,” bdiet tlaqlaq bil-mod.  “Tfajla tiddeċiedi aktar bilmod.  Jien irrid inkun ċerta.  Ma nixtieqekx li tibda toħroġ miegħi, u imbagħad titlaqni, jew nitilqek.”

“Le,” għidtilha b’ leħen sod.  “Għalija m’ hemm ħadd bħalek u rrid nistqarr miegħek li qed inħossni vojt wisq mingħajrek.”

L-aħħar kelma tant ġibditni u ressqitni lejha.  Tant li r-raġuni tiegħi mietet, u ma bdejt nara xejn aktar madwari, għajr dik it-tfajla sabiħa.  Bdejt nieħu nifsijiet twal, u l-pulmun ħassejtu jitla’ ‘l fuq, u taqbiżli xi demgħa minn għajnejja.  Erqsaqt iktar qrib tagħha.  Tgħannaqna, u tfajt idejja wara daraha.  |ammejtha mgħanqa qrib tiegħi, bħallikieku ma ħallejthiex taħrab.

Din kienet l-ewwel darba li rranġajt ma Sandra.  Lil Miriam insejtha, fost il-biki u l-ilfieq.  Għidtilha biss li bdiltha.  Għadda ż-żmien, u l-maskra qarrieqa ta’ l-infattwazzjoni bdiet tiċċarrat.  Wara xahar noħroġ ma’ Sandra, l-ġibda li kelli lejha bdiet tintilef.  Sandra ftit li xejn kienet tagħti każi.  Filwaqt li Miriam kien ħsiebha biss fija, Sandra bilkemm kienet tkun trid taf bija., meta ma niltaqgħux.  Kont bdejt inħossni skomdu magħha, u ma kienet tagħmel xejn biex tressaqni qrib tagħha.  Bħalma meta jkollok bużżieqa, li tonfoħha u tonfoħha sakemm fl-aħħar tinfaqa’, hekk ġara fir-relazzjoni tiegħi ma’ Sandra.  Ftit wara xahar, kellna xi ngħidu.  Mhux l-ewwel darba li kellna xi ngħidu jien u Miriam, imma dejem irranġajna l-affarijiet bil-kwiet.  Din di-darba, kelli sitwazzjoni differenti.  Sandra ma riedet taf b’ xejn, u spiċċajna biex saħħansitra ngħajru lil xulxin.

Dak in-nhar stess, qtajtha li għandi nċempel lil Miriam.  Ma kienetx hemm.  Bqajt nipprova kuljum, u wara ġimgħa, riedet tkellimni.  Kienet iebsa ħafna, u kellmitni bis-suppervja, kif wara kollox kien jixraqli.  Ma riedet ebda forma ta’ ħbiberija miegħi.  Minkejja l-apoloġija kommoventi tiegħi, u kliem ta’ solitudni li jġiblek ħasra, Miriam baqgħet ma ridetx taf.  Għidtilha li kont qiegħed nistenna minn għandha.  F’ moħħi baqgħu jidwu l-aħħar kelmiet tagħha.

“Le.  Daqshekk!  Ma rridx noħroġ miegħek.”

Għadda ż-żmien u bqajt ma smajtx b’ leħen Miriam.  Tlift ġawhra, b’ nuqqa t’ għaqaal ta’ ftit jiem.  Spiċċajt waħdi, ninqered bilmod fis-solitudni tiegħi.  Kull filgħaxija, wara li tinżel ix-xemx sirt noħroġ nagħmel mixja barra.  Naħseb u nixxennaq għas-sbuħija tan-natura li fil-kobor tagħha tgħajjex lill-bniedem u permezz ta’ l-imħabba tipprodu`i wlied oħra fid-dinja.  Din ir-rabta tagħna man-natura mhix il-wetqa ta’ bżonn biss, iżda hi ħajjitna stess.

Bilqegħdha fi ġnien, ħassejtni nistrieħ bir-ritmu ta’ l-ilma ta’ funtana nieżel b’ ċerta kalma u dawl aħdar baxx li tħossu jpaxxik.  Rajtu nieżel … nieżel … nieżel … u bħal tani ċerta sensazzjoni mużikali li ħassejtha sserraħni.  Min jaf kemm jien u Miriam, urejna mħabbitna lejn xulxin fl-istess ġnien!

(Nota: Din kienet waħda mill-istejjer li ppubblikajt fiż-żogħżija tiegħi).