Analiżi ta’ Andrew Sciberras

Xehir

Ġabra ta’ Poeżiji (2019)

Omar Seguna

Minn naħa waħda, Eli Khamarov isostni li l-poeti huma suldati li jilliberaw kliem mill-pussess sod tad-definizzjoni. Min-naħa l-oħra Rumi jasserixxi li l-poeżija tista’ tkun perikoluża, speċjalment meta tinkiteb b’sengħa, għax jirnexxilha toħloq illużjoni li wieħed ikun ġarrab esperjenza mingħajr qatt ma jkun veru għadda minnha. Dawn iż-żewġ definizzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi, narahom jgħoddu ferm għall-poetika ta’ Omar Seguna.

W. H. Auden (1907-1973) fix-xogħol tiegħu The Poet and the City, kiteb illi llum l-att tal-kreazzjoni artistika huwa fih innifsu ‘att politiku’. Filwaqt illi l-poeta ma jistax ma jħossx, ngħidu aħna, l-inġustizzja li mhux kulħadd jista’ jkollu l-istess mezzi ta’ għajxien, jista’ jkun akkużat illi dan il-qasam mhux il-qasam tiegħu. Minħabba s-singularità tiegħu bħala bniedem tal-estetika, u għax il-problema tal-ġuħ hija waħda ekonomika u mhux artistika, l-artist jista’ jkun kondizzjonat li jaħseb li m’għandux jidħol f’ċerti oqsma ta’ attività soċjali.

Auden jgħid illi min-naħa l-oħra, l-interessi estetiċi tal-awtur ma jidhrux illi jingħataw predominanza soċjali u għaldaqstant, fil-privatezza jew fil-miftuħ, l-artist illum jew għada se juri sintomi ta’ frustrazzjoni u ta’ ostilità lejn il-mekkaniżmu tas-soċjetà kif amministrat mill-istabbiliment.

Dan iwassal għal żewġ konklużjonijiet loġiċi: (i) l-artist jibda jħossu spustat fil-konfront taċ-ċiviltà moderna u (ii) il-blokki tal-poter jibdew iħarsu b’suspett lejn l-artist. Auden jagħmel din l-istqarrija:

“In our age, the mere making of a work of art is in itself a political act. So long as artists exist, making what they please and thing they ought to do, even if not terribly good, even if it appeals to only a handful of people, they remind the Management of something the managers need to be reminded of, namely that the managed are people with faces, not anonymous member.”

Mario Azzopardi jsostni li wieħed seta’ jifhem ħafna mill-kawżiet għall-mixja tal-poetika l-ġdida kif tnisslet fis-snin sittin f’kuntest ta’ qafas ‘politiku’ fis-sens wiesa’ tal-kelma.

L-iżvilupp individwali tal-poeta kien konkomittanti ma’ proċess ġenerali li biddel radikalment l-attitudni dwar il-poeżija tal-establishment, il-poeżija tal-akkademiżmu, tal-elitiżmu reazzjonarju.

Omar Seguna qiegħed jikteb f’era li nsejħulha post-Moderna, u hu konxju qatigħ ta’ kif evolviet il-poeżija mis-snin sittin sal-lum. U kif rajna hawn fuq ma jistax ikun hemm poeżija jekk mhux f’qafas soċjopolitiku. B’riflessjoni u maturità, il-poeta jittratta temi b’mod artistiku, li jolqtu lilna b’xi mod jew ieħor fil-laħam il-ħaj.

Fil-poeżija intitolata Sirja 2013, Seguna jgħidilna hekk:

Fit-triq imħarbta

jterraq wara snin twal;

poplu xebgħan.

F’idejn bid-demm

rajt friegħi taż-żebbuġ,

imkatar bojod.

Il-lejl twil jgħaddi,

naraw l-ewwel żerniq.

Ward fid-deżert.

[…]

Noħlom li jibqgħu

l-Bibbja, it-Torah u l-Koran

biswit xulxin.

Noħlom l’ għad nara,

tittajjar fuq Damasku

l-ħamiema l-bajda.

Il-kelma muftieħ f’għadd ta’ poeżiji ta’ Seguna hija ‘tama’. Dan ma jfissirx li mhuwiex konxju bir-realtà assurda ta’ madwaru. Dan ifisser li fil-vjaġġ tal-eżistenza tiegħu rnexxielu jegħleb il-barriera tal-‘jien’ u sawwar kuxjenza mseddqa bil-parteċipazzjoni kontinwa tal-ħlejjaq kollha f’Alla bħala dak li mhux biss joħloq, imma wkoll isostni l-kreazzjoni, jiġifieri l-ħolqien. Għalih dan kollu jfisser li hemm spiritwalità universali li tappartjeni lill-umanità kollha u mhix tal-ftit li jaħsbu li huma l-magħżulin. Hi epistemoloġija li tberraħ u mhux li tiffoka. Fi kliem ieħor hi l-affermazzjoni ta’ kreazzjoni billi tipponta lejn il-logoi preżenti fil-ħolqien u li dan jikkorrispondi għal-logos divin.

Fil-poeżija Jien nemmen jgħidilna hekk: “Nemmen li ma tibqax teżisti differenza/ bejn il-vleġġa jew salib/ ħerġin minn ċirku, bejn is-suwed u l-bojod,/ bejn il-Koran, il-Bibbja u t-Torah./ Jien nemmen/ li għandu jitfarfar it-trab/ u nħarsu ’l quddiem.”

Il-poeta jiddjaloga mal-persuna ideali – il-figura idillika – dik li tixprunalu sentimenti u emozzjonijiet li jkomplu jsaħħulu l-punt li l-bniedem għandu jsir sensittiv fil-konfront ta’ kwalunkwe dieher manifest f’ħaddieħor, biex b’hekk ma jibqax fil-agħma u jasal iħoss saħansitra dik li tidher li hi n-naħa l-oħra. F’dan il-kollokju, Seguna jiġi mħeġġeġ ‘minnha’ li jrid ukoll iqawwi ħsiebu li anki ‘għadu’ jasal biex jibdillek saħansitra x’tifhem b’fehma. U l-għarfien li jitwieled mar-riżoluzzjoni ta’ kuntradizzjoni bħal din, jgħaddi lil hemm minn sempliċi fehma:

Forsi għad nara ċ-ċiklu sħiħ tal-qamar,

met’int u jien nilħqu l-kwiekeb tas-smewwiet.

Skont Oliver Friggieri, Seguna jħaddem l-għarfien kulturali tiegħu kollu, u jibni fuqu l-lingwaġġ figurattiv li huwa jaf li hu l-qofol ta’ kull kreazzjoni poetika. L-aspett awtobijografiku huwa preżenti bħalma hu kull riferiment storiku, esperjenzjali ieħor. Jekk il-poeżija Taħt Sema Griz hi għamla ta’ dokument tal-identità spiritwali, il-poeżiji l-oħrajn kollha, fosthom Kemm Nixtieq, Progress, u Fis-Silenzju ta’ Bejnietna, huma paġni tipiċi ta’ dan it-tip ta’ djarju.

Nagħlaq billi ngħid li Seguna hu poeta b’umanità kbira, u f’kitbietu huwa dejjem hu nnifsu. Il-lingwaġġ li jsawwar lill-poeta hu frott ta’ esperjenzi individwali li flimkien huma riflessjoni tal-ħajja umana. Il-poeżija ta’ Seguna hija ġenwina għax jirnexxilu jpoġġi fl-aħjar kliem dak li ħafna ħasbuh qabel. Dan iwettqu bil-vers regolari sal-vers projettiv, mill-iffullar tal-kliem sal-ispazjar bejn il-kliem, mill-użu ta’ ittri regolari sal-użu ta’ ittri li jvarjaw u l-bqija. Nemmen li l-qawwa tal-poeżija titkejjel minn kemm il-kontenut jitlaħħam tajjeb, jiġi inkarnat ġo forma li toqgħodlu, li tesprimih. Aktar ma poeta jirnexxilu jkun personali, iżjed ikun ukoll universali. Dan huwa l-paradoss tal-letteratura. Nemmen li Omar Seguna dawn l-aħħar żewġ funzjonijiet jaqdihom ferm tajjeb.