About Cospicua

Cottonera lines

Click on the various images for more information:
St Paul's Gate St John's Gate St Clement Gate Notre Dame Gate St James Gate St Louis Gate San Salvatore Gate Map of the Cottonera Lines (See Stephen C Spiteri, Fortifications in Malta)

Il-pellegrinaġġ nazzjonali bil-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-Kwadru Inkurunat minn Birkirkara għal Bormla, fid-19 ta’ Novembru tal-1944 huwa storiku u jfakkar episodju ikrah fl-istorja ta’ pajjiżna li nittamaw li qatt ma jerġa’ jiġri, u qed nirreferi naturalment għall-Gwerra.  Pero’ dan il-pellegrinaġġ huwa tabilħaqq simbolu tal-mixja tal-Fidi lejn Ommna Marija u kif din żviluppat f’Bormla u f’pajjiżna.  F’dan l-artikolett minsuġ minn kotba antiki maħruġa mill-Parroċċa ta’ Bormla ser nuri kif dan il-pellegrinaġġ kif ukoll l-istellarju jissimolizzaw din il-Fidi.

Il-pellegrinaġġ flimkien mal-istellarju fl-okkażjoni tad-domma tal-Immakulata minn dejjem kellhom rabta kbira flimkien.  It-tnejn li huma fix-xorta tagħhom huma bħal ħuġġieġa ta’ Fidi tal-poplu Bormliż u Karkariż, lejn Alla u Ommna Marija.   L-istellarju nistgħu ngħidu li jinkuruna l-Fidi f’sens dottrinali anke permezz tad-Domma tal-Immakulata.  Il-Pellegrinaġġ jixhed l-aspett popolari tal-Fidi tal-Maltin. 

Il-kwadru titulari ġie nkurunat mill-Kardinal Ferrata fis-sena 1905 u, ħamsin sena wara, il-Kardinal Tedeschini żejnu b’stellarju tad-deheb.   Jekk immorru lura għas-sena 1954, fejn il-Papa Piju XII ħabbar is-sena Marjana f’Bormla ġew ċelebrarati wkoll il-Festi Ċentenerji (1854 – 1954) tad-Domma tal-Immakulata u Ċinkwantenarji (1905 – 1955) tal-Inkoronazzjoni tal-Madonna.   Fil-Paneġierku tiegħu f’dik is-sena l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Emm, Galea B.Litt., D.D., J.C.D. Isqof tit. U Vig. Ġen.  fisser is-sinifikat tal-istellarju.  L-Eċċellenza Tiegħu Galea rabat l-okkażjoni tal-istellarju ma’ tliet avvenimenti importanti oħra: “L-ewwel Ċinkwantenaru tad-defenizzjoni dommatika ta’ l-Immakulat Konċepiment ta’ Marija Verġni”(p.44), fl-1904, il-Pellegrinaġġ fejn il-Kwadru u l-Istatwa nżammu f’Birkirkara matul il-gwerra qalila tal-1940, kif ukoll dik tal-1954 meta l-Papa Piju XII ħabbar is-sena Marjana. 

F’paneġierku ħiereġ mill-qalb, fl-1977, Fr Salvino R. Galea , S J  fil-preżenza tal-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Ġużeppi Mercieca  u l-Kapitlu tal-Kolleġjata stqarr li “waqt li l-Inkurunazzjoni bl-istellarju setgħet saret biss mill-kleru – ħaġa tal-qassisin – il-kleru żgur li ma setax jagħmlu xorta dak il-pellegrinaġġ – iżejjen dawk id-djar kollha u joħloq dik x-xmara ta’ folol li mlew l-aktar toroq wesgħin ta’ Malta; u jimxu mill-erbgħa sal-għaxra ta’ bil-lejl!” ( Kospikwa u l-Immakulata, p.11)

Din il-ġrajja hija marbuta mmens mal-iżvilupp tal-qima f’Bormla u anke ngħid jien f’Birkirikara.  Marija hija dejjem il-figura, biblikament li għenet lil Eliżabetta, daħlet għall-għarajjes fit-Tieġ ta’ Kana u interċediet quddiem binha Ġesu’ u għalhekk dejjem nitolbuha sabiex tidħol għalina.  Hekk għamlu l-Bormliżi meta fit-taqbid talbuha biex tidħol għalihom u tħares it-tempju majestuż.  F’dan is-sens ta’ Fidi rridu nifhmu din il-ġrajja.   U hekk ukoll il-Karkariżi laqgħu x-xbieha ta’ Marija b’imħabba u b’devozzjoni.

Minkejja l-attakki ħarxa, s-santwarju baqa’ ma ġġarrafx.   Irridu ngħidu r-rabta li Bormla minn dejjem kellha lejn Marija Immakulata.  Fl-1600 diġa kien jitqies bħala l-kwadru titular dak bil-Figura ta’ Marija tħares il-baħrin għalkemm taħt il-mant ma jidhrux bis baħrin imma nies oħrajn ukoll (Żvilupp tal-Qima, lejn Marija Verġni Immakulata f’Bormla p.15).  

L-awtur Ġuże’ Chetcuti fl-Oraorju Marija Immakulata, li kien imtella fil-Knisja Kolleġjata ta’ Bormla nhar il-Ħamis 24 ta’ Novembru 1994 jgħidilna dan il-kliem sabiħ: 

Hemm baqa s-Santwarju
F’saħħtu, wieqaf u sħiħ,
Jisfida madwaru
Lill-bombi qatigħ.
Fil-qiegħragħ u d-dalma
Il-kwadru u il-Vara,
Fis twarrbu minn Bormla,
Hekk tbiegħdu mill-ħsara
W mill-qerda tal-bombi
Kif xtaq l-għadu w ried
Iwaddab bħax-xita
Bl-eluf u l-mijiet ….

F’qalbna s-sejħa tibqa tidwi:
Marija Immakulata!
Tibqa’ twarrad ġieh u glorja:
Marija Immakulata!
Kull ġens, kull żmine jibqa’ jsejjaħlek:
Marija Immakulata!

Fi ġnien l-għeden arja safja
ġiet imniġġsa b’tagħna d-dnub.
Sakemm Kristu, fostna bħalna,
Reġa’ ġab l-għaqda fil-qlub.

 Mix-xitan ġejna imqarrqa
u spiccajna lsiera tiegħu.
Lil Ġesu’ l-Mulej bagħtilna
biex jerġa’ jgħaqqadna miegħu.

 Taħt riġlejk id-dnub mirfus.
Mhux ta’ b’xejn għalik għajjur
dak li lilna iġarrabna
Fik isib saħħa ta’ sur.

 Inti l-omm li lilna tgħaqqad.
Mhux ta’ b’xejn dil-belt kburija.
Inti l-Omm tagħna l-Bormliżi.
Lilek nagħtu kull foħrija.

 Int ix-xemx li tibqa’ tiddi
sabiex jgħibu d-dlamjiet.
Mhux ta’ b’xejn Int Eva l-ġdida
li ħlistna mit-tbatijiet.

 Għax int l-ewwel tabernaklu.
Int żammejt fik il-Mulej.
Inti l-Omm dak li salvana.
Ta’ Ġesu’ tagħna l-Feddej.

 Inti l-omm li lilna tgħaqqad.
Mhux ta’ b’xejn dil-belt kburija.
Inti l-Omm tagħna l-Bormliżi.
Lilek nagħtu kull foħrija.

Għoġbu jżejnek dan il-poplu
bl-isbaħ fided li jsebbħuk.
Ħajr ta’ kemm dil-belt int tħares
Hawn quddiemek infaħħruk.

Int sinjura imma umli.
L-omm ta’ min tagħna hu l-Blata.
Toħroġ b’ħeġġa tibqa’ l-għajta
ta’ Viva l-Immakulata.