Nitkellmu ma’ Charles Briffa (It-tieni parti)
Din hija t-tieni parti tal-intervista mal-Professur Charles Briffa. L-ewwel parti dehret fil-ħarġa tat-Torċa tal-Ħadd 18 ta’ Settembru 2022
- Wieħed minn dawn l-aħħar kotba tiegħek dwar awturi oħra huwa “Ir-Ruħ Tqell bil-Poeżija – Louis Briffa: Il-Ħsieb Inċanat”. Il-ħsieb inċanat għandi nifhem għaliex dan il-poeta huwa magħruf bħala “tal-Varloppa” għall-ktieb tiegħu “Bil-Varloppa”. Ta’ min ngħid li dan huwa tip ta’ ċana kbira tal-idejn x’aktarx magħmula mill-injam u b’maqbad, li fl-antik kienet tintuża biex jinċanaw. Briffa tana wkoll ktieb ieħor “Bil-Boqxiex” fejn ukoll jitkellem dwar diversi suġġetti, fosthom ir-relazzjoni tiegħu ma’ ibnu (Bertrand u Jien), it-tbatija li għadda minnha (Tempesta), ir-relazzjonijiet u l-imħabba (Fjakkolata), it-tbatija fil-ħajja b’ħarsa speċjali fuq dik ta’ Ġesù fil-passjoni (Misteri tat-tbatija), il-vjaġġi tiegħu partikolarment fi Spanja u fl-Italja (Petali mill-Italja u minn Spanja), il-poeżija u t-tifsira tagħha għall-poeta (Qtar mill-miġra), il-ħarsien tan-natura (Difiża tal-ambjent), voċiferu favur dawk il-persuni jew popli qed ibatu jew għaddejin minn żmien iebes bħal immigranti u l-poplu Palestinjan (Versi tad-dissidenza) u bosta temi oħrajn fl-aħħar kapitlu (Konfetti). Għandna wkoll vjaġġ spiritwali li joħodna mill-mitoloġija (eżempju p.72) sal-ikona reiġjuża-kattolika (p.128), sal-viżjoni soċjali. Kif tikkwadra l-viżjoni ta’ Louis Briffa fil-kotba tiegħek?
T. Din il-mistoqsija titlob ħarsa ħafifa lejn il-kunċett tal-kontemporanjetà letterarja fis-sehem tagħha tal-moderniżmu lokali li, fid-daħla li jien ktibt għall-antoloġija Jiflu Żmienhom – Ġabra ta’ Kitbiet tal-Poeżijaplus(Klabb Kotba Maltin, 2003), jien għedt li huwa “proġett mhux mitmum”.
Meta nħarsu lejn id-dehra tal-firxa letterarja ta’ żmienna biex naraw il-qagħda ġenerali tal-kontemporanjetà nilmħu xejriet ta’ kontinwità u oħrajn avangardisti f’dawk l-ishma li għandhom x’jaqsmu ma’ motivazzjonijiet, strutturi, u limiti – kollha marbutin (kif jixraq) mat-temi. Dawn ix-xejriet letterarji jagħtuhomlna awturi bħal Oliver Friggieri, Mario Azzopardi, Victor Fenech, Charles Casha, Trevor Żahra, Paul P. Borg, Alfred Sant, u Joseph Vella Bondin – biex insemmi xi wħud minnhom. F’dawn l-awturi kontemporanji nsibu xejriet tradizzjonali (bħal, ngħidu aħna, il-qisien metriċi u l-forom stabiliti tar-realiżmu u ta’ dak li mhuwiex reali fil-proża kreattiva) u xeħtiet moderni (ta’, ngħidu aħna, karatteristiċi astratti jew oskuri u multipliċità ta’ perspettivi). Meta dawn ix-xejriet u x-xeħtiet jingħaqdu, xorta tixref dehra koerenti ta’ żmienna – żmien li qed iġiegħel lill-bniedem itarraf u jfisser lilu nnifsru fis-sehem tiegħu u f’għemilu f’din l-eżistenza tagħna. Is-soġġettività (li tiddeskrivi l-bniedem x’inhu) trid tidher fid-dawl tar-realtà oġġettiva (li x-xjenza tinsisti fuqha) ukoll jekk jinfirdu minn xulxin fl-isfera umana. U ma’ dawn il-kontemporanji jidħol Louis Briffa.
Omar, int semmejt il-varloppa (plane) u l-boqxiex (spokeshave) fl-ismijiet tal-ġabriet ta’ Briffa. Dawn iċ-ċwani jidħlu fis-simboliżmu letterarju tal-poeżiji – simboliżmu li jikxef ftit mill-immaġinazzjoni tal-poeta; u s-simboliżmu taċ-ċwani jsir parti mill-verità poetika u qawwa li tikkontrolla l-interpretazzjoni. Bħall-kontemporanji l-oħrajn li semmejt, Briffa għandu immaġinazzjoni ħajja u għandu ħakma assoluta ta’ dik l-immaġinazzjoni. Fl-istess ħin (bħal sħabu) Briffa juri l-importanza tal-perċezzjoni fuq ir-realtà. F’dawn il-kittieba jidher kunċett modernist kruċjali: dak li jintegra għalkollox ir-realtà fl-immaġinazzjoni, u din l-integrazzjoni tikseb permanenza li timita fl-istrutturi poetiċi simboliċi.
- Tkellimna fit-tul dwar il-ħajja ordinarja tal-Maltin u ma jistax ma jiġinix f’moħħi awtur ieħor li inti wkoll studjajtu Paul P. Borg. Borg li ta’ min ngħidu għadu kif ħareġ 2 kotba interessanti ferm: “Belgħa tè”, ġrajja mistħajla u traġika, ambjentata fl-imgħoddi u “Oliver Friggieri u jien”. Ġaladarba qed insemmu lil Oliver Friggieri nfakkar li inti wkoll ħriġt ktieb dwar Oliver f’din is-sensiela u qed ngħid għall-ktieb “Ħsiebu Jsuqu”. Il-mistoqsija tiegħi xtaqt allura biha nolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda u tgħidilna xi ħaġa kemm dwar Paul P. Borg li tkellem dwar in-natura, is-sempliċita’ tal-ħajja, l-għerf ta’ missirijietna u anke dwar il-ktieb l-ieħor dwar Oliver Friggieri, “Ħsiebu Jsuqu”
T. L-isem tal-ktieb li jien ktibt fuq Oliver Friggieri Ħsiebu Jsuqu (2017) jeħodna lejn tiġrib maħsub f’kewn il-bniedem; waqt li l-isem tal-ktieb tiegħi fuq Paul P.Borg Leħen mix-Xagħri Maħqur (2021) iressqilna l-ekofilosofija letterarja. Il-lingwa figurattiva f’dawn it-titli tal-kotba minnufih turina li (fuq il-livell kognittiv) il-metafora letterarja għandha bażi esperjenzjali. U hekk naraw li Friggieri, hu u jestendi l-elementi ewlenin tal-kontemporanjetà, jifhem il-kreattività bħala laqgħa produttiva bejn il-letteratura u ż-żmien; u Borg jinqeda bil-valuri letterarji biex jitkellem f’isem il-magħkus ambjentali.
L-użu kreattiv tal-lingwa letterarja huwa parti mis-sistema tal-ħsieb ta’ dawn l-awturi, u għalhekk irridu nħarsu lejn il-funzjoni tal-metafora bħala estensjoni tal-qagħdiet li jħufu fil-moħħ. Dan huwa fattur li jagħmel sehem mill-istil mentali tal-awturi tagħna li jifhmu li l-lingwa figurattiva taf tiġġenera tifsir ġdid. Din il-lingwa taf tkun estensjoni ta’ xi elementi konvenzjonali u taf ukoll tkun elaborata biex tressaqna lejn il-ġdid jew taf timbuttana lejn id-defamiljarizzazzjoni. Fil-proċess ta’ defamiljarizzazzjoni nħarsu lejn il-lingwa b’mod differenti mis-soltu.
Il-ktieb fuq Oliver Friggieri juri li l-ħidma tiegħu, kemm bħala professur tal-letteratura u kemm bħala rumanzier u poeta, hija mmotivata minn dawn it-tliet prinċipji: li l-letteratura trid tinvolvi ruħha soċjalment sabiex toħloq għarfien xieraq; li l-letteratura trid tirrifletti l-umanità fit-tfittxija tagħha għat-tifsir tal-ħajja; u li l-letteratura trid tibda mill-interpretazzjoni tal-ambjent ta’ pajjiżna u timxi lejn tifsir universali. Waqt li l-ktieb fuq Paul P.Borg juri li dan il-kittieb għandu relazzjoni mal-ambjent. Jidher ambjentalist – għalhekk joħloq il-ħdax-il kmandament (ħobb il-ħolqien). U l-ktieb li jien ktibt fuqu (fost ħwejjeġ oħrajn) jipprova jifli ftit kif il-letteratura li jikteb Borg tippriserva din l-identità ambjentalista. Imma fil-proċess jikxef il-ħajja ġewwiena f’xogħol l-awtur.
- Żewġ kotba oħra minn din is-sensiela huma dwar żewġ poeti li jiena naf fil-qrib ħafna wkoll u kienu katalisti għall-bidla tas-snin sittin. Qed ngħid għal Mario Azzopardi u Victor Fenech. Lil Mario jiena wkoll nafu sew għaliex kien kitibli d-daħla għall-ktieb tiegħi “24, Triq Ħad-Dwieli”. Mario għandu ħafna elementi spiritwali fil-poeżija tiegħu u fl-istess ħin jibqa’ magħruf li tratta suġġetti li tradizzjonalment f’Malta kienu jitqiesu pprojbiti jew offensivi bħas-sesswalità mberrħa u l-faċċjoliżmu tar-reliġjuż fost oħrajn. Lil Victor Fenech jiena dejjem segwejtu u ispirani partikolarment fil-poeżija sperimentali u dik plastika, magħrufa bħala concrete poetry. Hemm ukoll l-aspett ta’ protesta. X’tgħidilna dwar dawn l-awturi, naturalment mill-perspettiva tal-ktieb tiegħek.
T. Fuq it-titli tal-kotba li jien ktibt fuq Mario Azzopardi (Dellijiet Jgħajtu fir-Ras, 2020) u fuq Victor Fenech (Fl-Arena ta’ Moħħu, 2018) nista’ ntenni dak li għedt qabel: li l-lingwa figurattiva tipprovdi spazji mentali tal-kunċett lingwistiku kognittiv ta’ kull awtur. Imma t-tnejn li huma għandhom l-identità partikulari tagħhom.
Il-ktieb fuq Azzopardi juri kritiku soċjali kruċjali, u juri li l-proċess kreattiv tiegħu spiss jinħass forza kontroversjali qawwija fi ħdan l-ambjent soċjokulturali ta’ żmienu. Juri li l-kitbiet ta’ Azzopardi jitfgħu bosta dubji fuq standards tradizzjonali u forom stabbiliti, u jinvestigaw ħwejjeġ li jikkawżaw uġigħ uman u tbatija soċjali. Il-poeżiji, il-poesejs, u r-rakkonti Azzopardjani huma ġeneralment prodott tas-soċjetà tagħhom u essenzjalment huma “soċjali” fis-sens li hemm kawżiet soċjali li jqanqlu l-produzzjoni tagħhom; għalhekk jittrattaw temi soċjali u kontenut relevanti għaż-żmien tagħhom, u jippruvaw iġibu xi forma ta’ effett soċjali.
Imma fuq kollox, il-ktieb lil Mario Azzopardi jurih fil-partijiet tiegħu ta’ poeta, prożatur, poesejist, pittur, kritiku, ġurnalist kulturali, direttur tat-teatru, editur, u għalliem.
Meta mbagħad immorru għall-ktieb fuq Victor Fenech naraw (fost ħwejjeġ oħrajn) lil dan joqgħod iterraq fuq il-fruntiera bejn proża u poeżija biex joffrilna perspettiva oħra fuq ir-relazzjonijiet soċjali li nsibu madwarna. L-istil mentali tiegħu jaħdem bil-ġustapożizzjoni u d-djalogiżmu. Il-forma għal poeta bħal Fenech hija dak l-element li jsawwar dak li jgħid. Il-forma tmur mal-ħsieb u tilgħab bil-lingwa u l-viżwal. Ħafna mill-għabar kulturali jiddependi fuq l-għażla tal-forma poetika. Huwa awtur intellettwali. Mimli kultura. Mimli referenzi. Mimli djalogiżmu. Imma fl-istess ħin huwa mimli soġġettività. Biss, fih il-personali malajr jingħaraf bħala ġenerali; u l-individwu jsir mikrokożmu. U jrid jinqara b’mod produttiv. Għax xogħlijietu jagħmlu sehem minn maqdes ruħu mdawwar b’arena mentali. Il-letteratura ta’ Fenech tidher avvanz lura lejn il-ħajja; il-ħsieb ikun f’saħħtu bil-libertà tal-forma. Il-kitba letterarja tiegħu għandha personalità li tgħożż il-ġmiel u tikkritika l-kontemporanjetà, u ġġagħalna nissuspettaw fil-valuri tal-lum. Mhix biss kritika iebsa tal-kontemporanjetà, imma hija wkoll sfog muġugħ ta’ lment personali kontra l-ħajja li jingħaqad ma’ lmenti personali oħrajn ta’ poeti kontemporanji.
- Ġojjell, ħa nsejjaħlu hekk li tajtna, u fl-istess ħin għodda essenzjali huwa l-“Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija” li joffri spjegazzjonijiet ċarissimi fuq problemi teoretiċi involuti fis-suġġett tal-istudji tat-traduzzjoni. M’hemmx lok li nidħlu fit-temi kollha indirizzati bħalma huma l-ġrajja storika tat-traduzzjoni Maltija, l-bixriet kulturali fit-traduzzjonijiet Maltin u ħafna oħrajn. Ma nistax ma nagħlaqx din it-taħdita però billi nsaqsik x’kienu r-raġunijiet l-aktar li wassluk biex toħroġ dan il-ktieb. U forsi tgħid lill-qarrejja tagħna suġġeriment qasir meta jkunu qed jaħdmu fuq xi traduzzjoni, mhux neċessarjament ktieb imma anke fil-qadi tax-xogħol tagħna eċċ.
T. Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija (2015) ktibtu l-aktar biex infisser bil-Malti ftit mit-teorija tat-traduzzjoni, imma wkoll sabiex nuri xi proċessi hemm involuti meta jsir transfer kreattiv fit-traduzzjonijiet bil-Malti. Fih (dan il-ktieb) hemm ukoll il-ġrajja storika tat-traduzzjoni f’pajjiżna u l-ħidma wtiqa ta’ xi wħud mill-aqwa tradutturi Maltin.
Ippruvajt nuri li meta naħsbu fuq it-traduzzjoni Maltija nintebħu x’responsabbiltà għandu t-traduttur. Din ir-responsabbiltà titlob, fost ħwejjeġ oħrajn, teħid denn ta’ deċiżjonijiet, applikazzjoni addattata ta’ metodi u strateġiji, u tħaddim xieraq tal-lingwa. It-traduttur irid jasal biex ikun intelliġenti u immaġinattiv ħalli jrabbi fiduċja xierqa f’dak li jwettaq u jirrispetta lis-sors u lill-qarrejja targit tiegħu.
Traduttur tajjeb huwa dejjem riċerkatur ta’ ħila. Is-suġġeriment tiegħi huwa li min jidħol għal ħidma ta’ traduzzjoni jrid jagħmel riċerka li toqgħod sew mal-materjal li jkollu. U dan barra li jeħtieġ ikollu ħakma tajba taż-żewġ lingwi li jkun se jaħdem bihom. U ħakma tajba tinvolvi wkoll il-kultura konvenjenti li tmur mal-lingwi.
Min jidħol għal xi traduzzjoni letterarja, jeħtieġ ikun midħla sew tal-awtur li jkun se jittraduċi. Dan ifisser li t-traduttur irid jaqra (bħala parti mir-riċerka tiegħu) kemm jiflaħ mix-xogħlijiet l-oħra tal-awtur ħalli jidra sew l-istil mentali tiegħu. Meta jien iddeċidejt li nittraduċi The Power and the Glory ta’ Graham Greene, kont ħadt din id-deċiżjoni wara li kont studjajtu lil Greene fid-dettall, qrajt ix-xogħlijiet tiegħu kollha, u għallimtu fil-livell avvanzat – b’hekk ħassejtni li stajt nifhem sew l-istil mentali tiegħu. Li wieħed ikun jaf lill-awtur oriġinali sew, huwa essenzjali. Mill-banda l-oħra, fi traduzzjoni teknika t-traduttur jeħtieġ ikun midħla sew tas-suġġett li jkun qed jittraduċi u (bħala parti mir-riċerka tiegħu) jiġbor it-terminoloġija xierqa fiż-żewġ lingwi biex jistudja tajjeb l-ekwivalenza. Il-konsulenti fl-oqsma involuti jiswewlu ħafna lit-traduttur.
- Charles, nirringrazjak tal-ħin tiegħek u l-aħħar mistoqsija hija inevitabbli. X’qed inkunu qed nistennew mingħandek fil-futur?
T. Nixtieq ħafna niddedika ħini għall-kitba kreattiva, l-aktar biex nikteb rumanz. Hemm ħsieb li ilu jħuf f’moħħi xi 20 sena, imma r-rabtiet u l-qadjiet fl-oqsma tal-lingwistika kulturali u l-istilistika letterarja (li huma għal qalbi ħafna) jeħduli ħafna ħin fir-riċerka li jitolbu. Se nkompli naħdem fuqhom għax għad hemm bosta xi jsir, u bil-ħidma tiegħi fihom inħoss li nkun qed nagħti sehmi fil-kultura Maltija. Il-kitba kreattiva tibqa’ tistenna.