L-ewwel parti tal-Intervista
Huwa ta’ privileġġ kbir għalija li tkellimt mal-Professur Charles Briffa. Il-Professur Briffa, tana fuq kollox riċerka estensiva dwar il-lingwa u l-letteratura Maltija, għallem għal ħafna snin il-letteratura Maltija u t-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni fl-Università ta’ Malta u huwa kritiku letterarju, riċerkatur tal-Malti, u traduttur. L-interessi ewlenin tiegħu huma l-istilistika kognittiva (li tidher sewwa fil-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu fuq l-awturi Maltin) u l-lingwistika kulturali (li hu jxandar regolarment fuq stazzjonijiet differenti tar-radju u t-televixin). F’din l-intervita ser nagħtu ħarsa, naturalment ħafifa ħafna, lejn 8 kotba bi studju letterarju, kollha kemm huma ippublikati minn Horizons.
- Professur Briffa grazzi li lqajt din l-intervista u jekk tippermettili ser nindirizzak bl-ewwel isem tiegħek, Charles. Dan l-aħħar ħareġ il-ktieb “Il-Ġrajja Ssir Kelma – Ngħarrxu fl-Imgħoddi u l-Preżent”, kif diġà għedna pubblikazzjoni Horizons. Dan il-ktieb huwa żvilupp fuq ktieb ieħor li inti kont ħriġt bl-isem “Il-Ġrajja wara l-Kelma”. Fiż-żewġ kotba nsibu vjaġġ etimoloġiku fejn dħalt fil-ġrajja tal-iżvilupp tal-kelma biex nifhmu aktar lil niesna. Il-lingwa tagħtina bosta tagħrif interessanti dwar kif kienu jgħixu missirijietna. Ħa nġib ftit eżempju bi ktieb ieħor, inħobb naqbad f’idejja spiss l-ewwel dizzjunarju Malti, “Id-Damma ta’ De Soldanis” u anke minħabba l-mod kif dak iż-żmien kien jinkiteb id-dizzjunarju, illum jista’ jkollna tagħrif siewi dwar ġrajjiet żminijietna. Kif il-kliem jikkontribwixxu biex insiru nafu l-ġrajjiet ta’ missirijietna?
T. Il-qofol tal-istudju tal-lingwistika kulturali huwa r-relazzjoni bejn il-lingwa, il-ħsieb, u l-kultura – b’kultura hawnhekk l-aktar li qed nifhem id-drawwiet, it-twemmin, l-imġiba, u l-kisbiet tal-ħajja soċjali li jistgħu jixirfu fi żminijiet differenti u li nistgħu (għall-konvenjenza) nagħsruhom fl-espressjoni “ġrajjiet missirijietna”. Jeħtieġ inħarsu lejn il-lingwa bħala kisba interazzjonali mimlija b’valuri soċjali li jsawru identità, narrattiva, u ideoloġija. U għandna nifhmu li fil-lingwa hemm stor kulturali li jibqa’ ġej mal-mixja taż-żmien; u għaldaqstant kull kelma jkollha l-ġrajja unika tagħha fi ħdan il-lingwa tagħha, ġrajja li tista’ tiżviluppa mal-mixja taż-żmien.
Biex infisser ruħi b’eżempju, ħa nieħu l-kelma “ċanga” u naraw fil-qosor xi ġrajja hemm warajha. Il-kelma “ċanga” tidher ġejja mill-Isqalli chianca li għandha żewġ tifsiriet: tarf ta’ siġra maqtugħa u ħanut tal-laħam – naraw li seħħet il-bidla fonoloġika mill-Isqalli għall-Malti. Mill-evidenza lessikografika tal-istudjużi tagħna joħroġ dan it-tagħrif li juri l-bidla semantika: (a) “ċanga” oriġinalment kienet tfisser ħaġra kbira (De Soldanis, seklu 18); (b) imbagħad ħadet tifsira ta’ bank rustiku li seta’ kien tal-ħaġar u seta’ kien magħmul minn zokk ta’ siġra (Vassalli, fl-aħħar tas-seklu 18); (ċ) u bdiet tfisser ukoll blokka biex tal-laħam iqatta’ l-laħam fuqha (Falzon, Busuttil, Magro, fl-aħħar tas-seklu 18 sa qabel nofs is-seklu 20); (d) imbagħad bdiet tintuża bħala l-laħam tal-barri (Psaila-Diacono, Serracino Inglott, Aquilina, fis-seklu 20 u wara). Din l-aħħar tifsira hija s-sens kurrenti ta’ żmienna. U l-istorja ma tiqafx hemm. Titkompla għax insibu li “ċangun” (kantun) hija superlattiv ta’ “ċanga”; u dan il-fattur nifhmuh jekk inżommu f’moħħna li l-ewwel tifsira ta’ “ċanga” kienet ta’ ħaġra – għandna wkoll “ċangatura” ġejja minnha. Riċerka bħal din, waqt li tesplora r-relazzjoni bejn il-lingwa u l-konċettwalizzazzjoni kulturali, tagħtina bank ta’ memorja kollettiva.
- Il-Maltin li qed nitkellmu dwarhom huma nies komuni ordinarji. Il-Malti kien mitkellem minn persuni x’aktarx bla skola li ma kellhom ebda importanza ngħidu aħna fit-tmexxija. Maltin li ma kellhom drittijiet ta’ xejn, la kellhom edukazzjoni u lanqas kellhom ġid. Però fl-istess ħin ma rridux ngħidu li kienu injoranti, tant li komunament spiss nitkellmu dwar l-għerf ta’ missirijietna. X’tgħidilna dwar dan?
T. F’din l-erja ta’ studju li qed insejħilha lingwistika kulturali niddiljaw ma’ xeħtiet u xejriet ta’ lsienna li jaqilbu jew ibidlu fi kliem konċettwalizzazzjonijiet imsawrin kulturalment li jħaddnu meded ta’ tiġrib uman. Għalhekk inħobb ngħid li f’ħafna elementi ta’ lsienna nsibu konċettwalizzazzjonijiet kulturali – li jien infissirhom bħala l-ġrajjiet wara l-kliem jew il-ġrajjiet isiru kelmiet. U meta nkunu nafu b’dawn il-ġrajjiet, nifhmu ftit moħħ missirijietna: nagħrfu kemxejn il-mentalità tal-antenati tagħna mgħobbija b’għerf meqjus; għalhekk irridu nifhmu u nagħrfu li ma kinux injoranti.
B’eżempju ħa nsemmi l-espressjoni “għali infern” li aħna ngħidu meta nkunu rridu nixtru oġġett li jkun għali ħafna, esaġerat. Il-paragun mal-infern jidħol minħabba li fil-mentalità Nisranija biex wieħed imur l-infern irid jitlef ruħu, jiġifieri jitlef l-egħżeż ħaġa li l-bniedem għandu, u allura l-prezz tal-infern huwa għali ħafna. Hawn qed tidħol il-psikoloġija kognittiva li tlaqqa’ kunċett ma’ ieħor: kunċett reliġjuż ma’ kunċett soċjali. Fil-mentalità tradizzjonali Maltija l-infern huwa reali ħafna, u paragun tal-ħajja umana miegħu bħala kunċett joħroġ b’mod integrat mal-ħsieb ordinarju tal-ħajja ta’ kuljum. Din l-idea ta’ integrazzjoni titqawwa b’espressjonijiet oħra bħal “ħatba tal-infern” (persuna kattiva jew brikkuna) u “sar infern” (saħan bla rażan bir-rabja). Dan kollu juri ftit kemm dawk ta’ qabilna kellhom kognizzjoni kulturali dinamika. U fl-eżempju li jien tajt għat-tifsiriet ta’ “ċanga” nilmħu fattur interessanti fejn tidħol il-mentalità ta’ niesna, għax il-proċessi tal-ħsieb qegħdin jiġu l-ħin kollu nnegozjati u rrinegozjati minn ġenerazzjoni għal oħra minħabba li s-soċjetà tiġi f’kuntatt mal-bidla taż-żmien.
- Mela l-Maltin li qed insemmu f’dawn il-kotba mhumiex, qegħdin ngħidu, dawk li kienu forsi qrib il-ħidma tal-gvern u tal-ħakkiema barranin. Il-Maltin importanti li kienu jieħdu sehem f’xi kunsill popolari fil-medju Evu probabbli kienu jużaw lingwi barranin. Inkun qed ngħid sew jekk ngħid allura li lsien pajjiżna seta’ salva, grazzi għall-fatt li baqa’ mitkellem, b’enfasi fuq il-mitkellem aktar milli l-miktub, mill-Maltin li ma kellhom ebda importanza soċjali u lanqas saħħa finanzjarja?
T. Omar, is-suġġett ta’ din il-mistoqsija jitlob ktieb sħiħ bi tweġiba. Imma biex inwieġbek fil-qosor ngħidlek: iva, qed tgħid sew. Matul is-sekli mbegħdin, il-Malti baqa’ ħaj fost il-Maltin komuni li nqdew bih bil-fomm (mhux bil-pinna) u bil-fomm intiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan il-fattur juri kemm il-Malti huwa b’saħħtu għax baqa’ ħaj fuq il-fomm tan-nies minkejja li l-baranin u xi Maltin għonja ftit li xejn taw kasu, tant li dam ħafna biex beda jinkiteb.
Dan ktibna fuqu fid-dettall ħafna jien u marti (Angela) fil-ktieb tagħna Iż-Żmien fuq Sider Malta (Horizons Publications, 2011), li huwa tiżwiqa ta’ storja, lingwa, u letteratura. Dan il-ktieb jagħti l-ġrajja tal-fatti u l-moħħ tal-Maltin li bħala “l-egħżeż tifkiriet” ifissrulna parti mill-identità tagħna. L-għan tal-ktieb huwa li juri l-għeruq, it-tnissil, u l-iżvilupp tal-ħsieb letterarju Malti. U biex jirnexxielna nagħmlu dan hemm bżonn inħarsu lejn l-istorja tal-gżejjer tagħna ħalli naraw il-qafas li fih intgħaġnet il-lingwa li biha l-moħħ letterarju kellu jesprimi ruħu. B’hekk il-letteratura tidher ingastata fil-ġrajja storika u lingwistika tal-gżejjer. Jiġifieri, huwa ktieb lijittratta l-lingwa Maltija u l-letteratura tagħha. Fih naraw kif żviluppa l-Malti, mitkellem minn ftit nies li dejjem kienu maħkumin minn xi qawwa kbira. Il-Malti baqa’ ħaj avolja kien hemm lingwi kbar fuq il-Gżejjer Maltin li setgħu ħonquh u qatluh. U meta beda jinkiteb, il-Malti kompla jitqawwa u jistagħna. Il-Malti jagħtina l-identità tagħna bħala nazzjon reżiljenti, jiġifieri bih nintgħarfu li aħna Maltin li għandna ħila nqumu fuq saqajna minkejja l-iżvantaġġi li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom.
- Charles inti għamilt numru kbir ta’ analiżi u studji letterarji, fosthom tax-xogħol tiegħi Ċrieki. Imma llum xtaqt nistaqsik dwar studji dwar numru ta’ awturi, għax tajjeb ngħidlek li l-għan ewlieni ta’ din il-paġna huwa li nirrakomandaw kotba kotba tajbin għall-qarrejja tagħna, li inti ħriġt. Mela hawnhekk għandna sensiela ta’ kotba sbieħ ferm, mid-dehra tagħhom ukoll iżejnu lil-librerija tagħna, bil-qoxra iebsa, u tagħrif dwar numru ta’ awturi. Qabel nagħtu ftit ħarsa lejn dawn il-kotba iżda xtaqt nistaqsik domanda. Konna qed nitkellmu dwar il-lingwa li taqdina fit-taħdit ta’ kuljum, il-lingwa tal-kċina kif insejħulha, iżda issa hawnhekk għandna l-letteratura. X’valur tagħti l-letteratura lil-lingwa? U kemm huwa ta’ prestiġju għall-Malti li huwa mogħni wkoll b’letteratura ta’ valur għoli?
T. Il-lingwa tistagħna bil-bosta bil-letteratura. L-aktar qawwa tal-lingwa tinsab fil-letteratura għax il-kreattività għandha ħila toħloq bosta qagħdiet figurattivi u xejriet ta’ neoloġiżmi differenti minbarra s-sitwazzjonijiet realistiċi u l-fatti veri li tippreżentalna. Il-lingwa maħluqa kreattivament (jiġifieri, il-lingwa letterarja) turina kif nispjegaw xejriet tal-eżistenza reali tagħna u tagħtina għarfien fis-sentimenti u l-ħsibijiet bħala tiġrib uman; b’hekk nidħlu f’relazzjoni ma’ dawk ix-xejriet u nagħmlu sens mid-dinja u l-kontemporanjetà tagħna.
Għaldaqstant, aktar ma jkollna letteratura ta’ valur għoli, aktar jitqawwa l-Malti. Il-letteratura toffri ċans ta’ ħarba mir-realtà, imma fl-istess ħin għandha l-potenzjal li tipprovoka l-għarfien tagħna li jkun żviluppa mill-esperjenzi tagħna. Tagħtina struttura organizzata artistikament tal-effetti lingwistiċi. L-istħajjil tal-qarrej iwieġeb għall-esperjenza letterarja; il-lingwa letterarja taħdem fuq il-perċezzjoni tal-qarrej, bħalma jiġri meta naqraw xogħlijiet ta’ Dun Karm, Francis Ebejer, Oliver Friggieri, u Doreen Micallef – fost ħafna oħrajn. Il-ġieħ tal-Malti jitjieb b’letteratura għaqlija u fejjieda. B’letteratura xierqa, il-qarrej Malti jkollu ċans jaħseb sew fuq it-temi ppreżentati hu u jifli l-mod konvenzjonali u kreattiv tal-lingwa.
Il-letteratura turi x’possibiltajiet kreattivi għandha l-lingwa. Jiġifieri turina x’tista’ tagħmel il-lingwa meta nħaddmuha bil-għaqal biex noħolqu xi sitwazzjoni jew xi karattru. Għax il-bniedem fih hemm ix-xewqa li juża l-lingwa b’mod kreattiv. U allura nistgħu ngħidu li l-letteratura tissawwar għax il-bniedem jieħu gost joħloq u jivvinta. Imma fl-istess ħin nifhmu li tista’ tkun serja ħafna. Tista’ tuża l-ġmiel tagħha biex aħna nkunu nistgħu nitħassbu fuq ix-xejriet sbieħ jew koroh tal-ħajja. Jiġifieri noqogħdu nħossu l-valuri l-aktar li jogħġbuna fil-ħajja jew immaqdru dawk l-affarijiet li ma jogħġbuniex.
Bil-letteratura ħajjitna ssir aktar sinjura għax tkattrilna l-ħila biex nifhmu aktar (wara li naqraw il-ħsibijiet ta’ ħaddieħor) u żżidilna l-ħila biex nikkomunikaw aħjar (wara li niflu kif ħaddieħor fisser ħsibijietu). Permezz tal-letteratura nsibu t-tifsir li għandna bżonn fid-dinja tagħna, imbagħad dan it-tifsir naqsmuh ma’ ħaddieħor. Jiġifieri nkunu qegħdin inkunu karitatevoli, u nieħdu gost aktar ngħixu. Mela, il-letteratura nistgħu narawha bħala teżor f’senduq li jiswa ħafna għal min jaf jużah. Dan it-teżor jiddependi fuq il-lingwa.
N.B. Din l-intervista tissokta fil-Paġna Letterarja li jmiss.