Awtur: Emmanuel Attard Cassar
It-tjubija, s-sempliċita’ u s-sinċerita’ li jfittex Emmanuel Attard Cassar fil-poeżija tiegħu timmanifesta ruħha fis-sempliċita’ tal-istil li jħaddan f’dawn il-poeżij. Il-kunċett jixbah ħafna dak li nsibu fil-ktieb li ħareġ bi lsien pajjiżna “Fuq din l-art ħelwa”. Dwar dan il-ktieb fil-Paġna Letterarja tal-25 ta’ Diċembru 2016 jien kont ktibt hekk:
“U min jgħid li l-poeżija bilfors trid tkun tqila jew diffiċli? Emmanuel Attard Cassar qed joffri soluzzjoni għal ħafna u ħafna li jixtiequ fil-fatt jibdew jaqraw xi poeżija u ma jafux minn fejn ser jibdew. Qabel inkompli iżda, rrid nagħmilha ċara li huwa l-ispazju limitat li żammni milli ma tantx nikteb dwar dawn il-poeżiji, għaliex minkejja ċ-ċokon intenzjonat ta’ dan il-ktieb wieħed jista’ joħloq diskussjonijiet sħaħ dwar il-bosta temi li jippreżenta Attard Cassar. Għaliex dawn il-poeżiji minkejja r-rima ħelwa u metrika tradizzjonali ma jingħalqux f’tema partikolari bħal ngħidu aħna l-patrijottiżmu jew it-tifħir reliġjuż. Waqt li ngħid għalija ma jidhirlix li t-temi ppreżentati jiskomodaw il-qarrej, żgur li joffru sfidi.”
L-unika element komuni però huwa l-istil, għaliex waqt li “Fuq din l-art ħelwa” jikkonsisti f’botti sottili, jew aħjar twiddiba lejn dawk in-nuqqasijiet tal-Maltin. F’dan il-ktieb donnu aktar iħares lejn is-soċjeta’ b’mod ġenerali, xi waqtiet l-istess riflessjoni li twassal għal kritika ma tonqosx, u oħrajn eżistenzjali. Il-poeżiji huma diretti ħafna, fis-sens li l-messaġġ huwa fil-wiċċ. Il-qarrej ser jaqra dawn il-poeżiji u riflessjonijiet mingħajr ħafna sforz u jiggosta l-espressjoni mfissra b’mod tassew konċiż. Fil-fatt jidhirli li l-konċiżjoni hija l-aktar element b’saħħtu ta’ dawn il-poeżiji. Il-poeta, jippreżenta ruħu bħala missier tal-familja u mingħajr mingħajr bintu fil-fatt m’hu xejn (Daughter, p.42). L-istess għal ibnu, li huwa jaf tajjeb li issa qiegħed jikber u jwissih li jibqa’ b’għajnejh miftuħa għall-ħażen u jagħżel it-triq it-tajba. Imma ġaladarba jagħraf jagħmel dan, iħeġġu biex jimraħ u jwettaq il-ħolm tiegħu (Son, p.46).
B’ton ta’ missier huwa jappella lil uliedu biex jagħżlu t-triq tas-sewwa (My children). U fil-poeżiji li jsegwu konxju mill-ħażen tad-dinja fosthom l-iskandli minn persuni fl-ogħla strata tas-soċjeta’ (Scandals, p.21). Il-qofol ta’ dan kollu huwa n-nuqqas ta’ dawk komuniment magħrufa bħala l-vera valuri, li bihom infissru dawk il-valuri li ma jiġux mill-flus jew minn dak kollu li huwa materjali imma mill-aktar affarijiet sempliċi li jagħtuna l-ferħ, ħielsa minn kull xorta ta’ regħba, ħażen u egoiżmu. Għal Attard Cassar sirna wisq ossessjonati bll-pożizzjoni li wieħed iħaddan (p.15) u jaf tajjeb li ma jistax ikollok ħajja mingħajr sagrifiċċju (Immediacy, p.20). F’dinja tat-teknoloġija u fejn il-mezzi tal-informatika jiffaċilitaw il-messaġġi li nirċievu u li nwasslu, hemm risku kbir ta’ misinofrmazzjoni u disinformazzjoni. Fil-fatt fil-poeżija Fake news, (p.40), l-poeta jurina kif aktar ma tikber l-informazzjoni aktar se jikbru l-aħbarijiet qarrieqa. F’din id-dinja fejn suppost id-dinja ċkienet, u allura wieħed jistenna li aktar sirna qrib xulxin, il-poeta jinnota kif l-iżolament qiegħed dejjem jikber u jistaqsi fejn spiċċat l-umanita’ (Where has humanity gone, p.59).
Ta’ min forsi wieħed jgħid li f’din il-ġabra Attard Cassar isellem ukoll lil bosta persuni jew għal kontribut tagħhom lejn is-soċjeta’ kif ukoll għall-umanita’ tagħhom minkejja s-suċċess li kisbu, fosthom lil Stephen Hawking (p.41) u Mohammed Salah (p.43)
Nagħlaq b’riflessjoni misluta mill-aħħar poeżija (Silence,p.67): Is-skiet huwa kruċjali f’din id-dinja mgħaġġla, għal benefiċċju tagħna, tal-umanita’.
Il-faċċata ta’ dan il-ktieb hija xogħol tal-pittur Alfred Caruana Ruggier. Dan huwa ktieb ideali ħafna speċjalment għal min qed jiffamiljarizza ruħu mal-poeżija, fejn il-messaġġ huwa fil-wiċċ. Fuq kollox għandna poeżiji qosra li iżda kollha iġgħalu lill-qarrej jaħseb u jirrifletti.
it-torca-2022-06-19_28-28 it-torca-2022-06-19_29-29