Awtur: Terence Portelli;
Pubblikatur: Reliġjon u Ħajja
Fost il-ħafna poeżiji li kiteb Oliver Friggieri (1947–2020), insibu din il-ġawhra, ‘Tislima lil Kristu Sidna’. Din hi poeżija spiritwali li fiha l-poeta jitkellem b’mod imqanqal mal-Kurċifiss. Fi Kristu msallab Friggieri jara s-simbolu tat-tbatija li paradossalment isserraħ u tifdi, il-misteru li jagħti sens lill-ħajja ta’ kull bniedem u lill-Istorja tal-umanità.
Id-dar tal-pubblikazzjoni ‘Reliġjon u Ħajja’ għarfet l-importanza ta’ din il-poeżija, u għalhekk qiegħda tippubblikaha fi ktieb illustrat. Ma’ vrus il-poeta qed jidhru ’l fuq minn ħamsa u għoxrin pittura klassika li jirrakkuntaw il-passjoni; flimkien, jiffurmaw vjaġġ artistiku u letterarju uniku.
Forsi ftit jafu li Oliver Friggieri kien iħobb jagħmel disinji varji, fosthom tal-Kurċifiss. F’dan il-ktieb qed tidher għall-ewwel darba għażla sabiħa tagħhom, b’uħud minnhom qed jidhru għall-ewwel darba.
Il-ktieb fih ukoll studju kritiku tal-poeżija ta’ Oliver Friggieri, miktub minn Dr Terence Portelli, akkademiku fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Din il-kitba tistħarreġ fid-dettall: il-qrubija tal-poeta mal-Eżistenzjaliżmu Kristjan, l-istorja ta’ din il-poeżija, it-temi u x-xbihat ewlenin tagħha, u l-irqaqat stilistiċi u retoriċi mħaddma. Portelli jagħti wkoll interpretazzjoni tad-disinji li l-poeta pinġa ma’ vrusu, u fl-aħħar, jisħaq fuq l-ideat ewlenin li Friggieri mas-snin iddistilla u għażel bħala l-wirt morali u spiritwali tiegħu lin-nazzjon Malti kollu.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mis-sit elettroniku www.ruhmalta.com u mingħand il-ħwienet ewlenin tal-kotba.
it-torca-2021-04-04-1_29-29