Sensiela Bejn Storja u Miti
Editur: Sergio Grech; Pubblikazzjoni: Horizons
Introduzzjoni
X’kienet l-okkażjoni meta Marie-Louise Colerio Preca spiċċat tgħanni quddiem il-pubbliku? Fejn kienet Marie-Louise Colerio Preca meta ġiet mgħarrfa bl-intenzjoni li hi tkun id-disa’ president tar-Repubblika ta’ Malta ? Vera li ma xtaqitx il-kariga ta’ President bħal Ugo Mifsud Bonnici?X’rivoluzzjoni rnexxielha twettaq Colerio-Preca f’Ħal Qormi ta’ tlettax-il sena? Min kienu l-alleati politiċi tagħha fil-fora internazzjonali? Kif u għaliex Marie-Louise Colerio Preca rnexxielha tirbaħ anki l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista fin-nomina u l-eżekuzzjoni tan-nomina? U bħala mara kif rnexxielha timponi ruħha mal-Perit Mintoff f’partit iddominat mill-irġiel fis-snin tmenin? U l-Kattoliċi ‘żombi’ ta’ Marie-Louise Colerio Preca min huma u x’funzjoni għandhom fil-pajjiż? U eżattament x’nifhmu meta ngħidu li Marie-Louise Colerio Preca kienet President tal-poplu?
Tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet u ħafna iktar issibuhom fil-ktieb Marie-Louise Colerio Preca Id-Disa’ President ta’ Malta Bejn Storja u Miti; pubblikazzjoni Horizons u editjat minn Sergio Grech. Is-sensiela tkompli mal-pubblikazzjonijiet l-oħra fejn ġew mistħarrġa Duminku Mintoff, Patri Hilary Tagliaferro, l-Avukat Herbert Ganado, il-President Emeritus Eddie Fenech Adami, Mabel Strickland u Monsinjur Victor Grech.
Għall-ewwel darba qed tiġi analizzata l-perspettiva ta’ Colerio Preca kemm bħala omm privata kif ukoll bħala omm in-nazzjon kif f’dawn l-aħħar snin ġie interpretat ir-rwol presidenzjali. Għall-ewwel darba jinkixfu xi borom dwar is-snin tmenin u kif il-Mintuffjaniżmu kien jaħdem internament fil-partit. Qed titwessa’ wkoll il-lenti fuq ħidmietha fil-GWU u l-qasam tat-trejdunjoniżmu li forsi ftit jafu dwarhom jew jintesew. Aspett ieħor li hu interessanti hu l-analiżi li qed issir dwar il-kuxjenza tal-President.
Fil-ktieb dwar Colerio-Preca qed jieħdu sehem diversi kontributuri fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech, l-Arċisqof George Frendo, il-Prim Ministru Emeritus Karmenu Mifsud Bonnici, il-Prim Ministru Emeritus Lawrence Gonzi, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici, l-Eks Ministru Louis Galea, Dr Maria Pisani, l-MEP Alfred Sant, Patri Dijonisju Mintoff, l-Ispeaker Emeritus Anton Tabone, l-Aġent President Dolores Cristina, il-Professur Andrew Azzopardi, il-Professur Carmel Borg, Dr Marie Briguglio, Dr Simon Mercieca, il-Professur Carmen Sammut, Dr Marceline Naudi, l-imprenditur Michael Bianchi, il-Professur Stephen C. Calleya, il-Professur Kevin Aquilina, Dr Ruth Farrugia, Sammy Meilaq, l-Eks Kummissarju Għoli għall-Ingilterra Richard A. Matrenza, Helga Ellul u oħrajn. Ma jonqsux ukoll kontributuri internazzjonali fosthom l-Eks President tal-Kosovo. Fost il-kontributuri mary Rose Portelli – għalliema tal-Eks President fil-primarja.
Fuq kollox il-ktieb fih kontribut mill-għaxar President tar-Repubblika t-Tabib George W. Vella fejn anki joffri analiżi tas-snin 80 – snin diffiċli fl-istorja politika Maltija. Fil-ktieb hemm ukoll id-diskorsi li l-Eċċellenza Tagħha għamlet f’Jum ir-Repubblika matul il-mandat tagħha.
Bejn Storja u Miti
Dan huwa s-seba’ ktieb minn din is-sensiela Bejn storja u miti. Il-kotba kollha f’din is-sensiela kollha jaqbdu ma’ personaġġ u numru ta’ persuni jagħtu l-esperjenza tagħhom dwaru. Ma niddejjaq xejn nissuġġerixxi li wieħed jakkwista din is-sensiela kollha. Mhux biss tagħti valur lil-librerija tagħna u ssebbaħha imma żżid ukoll mal-għarfien ta’ pilastri fl-istorja Maltija. B’dawn il-varjeta’ ta’ karattri, Grech ġa laqat aspetti differenti minn dak li jsawwarna bħala Maltin. Waqt li fl-ewwel ktieb qabad ma’ politiku li jitfa’ dawl fuq l-istorja politika mill-gwerra sa wara l-ħelsien, fit-tieni ktieb jispikka l-qalb tad-deheb ta’ dan il-poplu rappreżentata minn Mons Victor Grech. Imbagħad għanda wkoll il-kriżi waqt il-formazzjoni tal-idenita’ ta’ dan il-poplu, jekk nista’ nsejħilha hekk, fit-tielet ktieb ta’ Herbert Ganado li min-naħa tiegħu kien bniedem ta’ prinċipji sodi u ma baxxiex rasu anzi emmen bi sħiħ f’pajjiżna bħala nazzjon. Fr Hilary Tagliaferro jirrapreżenta kemm il-qasam sportiv kif ukoll dak reliġjuż. Għandna lil Mabel Strickland waħda mill-ewwel nisa fil-qasam politiku li tirrapreżenta wkoll perjodu interessanti mill-istorja ta’ pajjiżna. Dr Eddie Fenech Adami huwa eks President, statistika u l-persuna li wassal biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropeja.
Jekk hemm titlu li xtaqt nagħmel għal dan l-artiklu huwa “Kap tal-Istat”. Naturalment dan huwa ktieb dwar eks kap ta’ pajjiżi. Minn dan il-ħsieb pero nislet żewġ kwalitajiet f’din il-persuna li mhux biss iżejnu l-karattru tagħha imma jirrapreżentaw lil pajjiżna: Il-kuraġġ u l-qalb tajba. Jidhirli għalhekk li l-President Emeritus tirrapreżenta dawn iż-żewġ kwalitajiet ta’ pajjiżna.
Mara ta’ kuraġġ
Il-Pesident Emeritus Marie Louis Coleiro Preca, ngħid jien li tiġbor ħafna minn dawn il-kwalitajiet kollha tal-persuni li diġa ssemmew f’dan il-ktieb. Statista u mara b’qalb kbira.
Coleiro Preca hija wkoll statista ta’ kuraġġ li mhux biss ma tibżax tieħu deċiżjonijiet imma wkoll ma tibżax twiddeb għal dak li huwa sew. Simon Mercieca jgħid li:
“Għalhekk għandha ldan il-kuraġġ. Anżi għandha l-kapaċita’ li titkellem bla biża’ fil-mument opportun. Dak li tgħid, tgħidu b’mod ċaru dirett. Għalhekk il-messaġġ tagħha qed jasal, għaliex kliemha qed ikun assoċjat ma’ din il-kategorija ta’ votanti, li tapprezza l-awtorita’ meta mibnija fuq is-sewwa” (p.99).
Ta’ min wieħed ifakkar li kif tgħid Carmen Sammut, Coleiro Preca bdiet il-ħidma tagħha fl-1981 wara li l-Partit Nazzjonalista rebaħ dik l-elezzjoni b’50.9% tal-voti iżda inqas siġġijiet parlamentari. Kien ukoll żmien ta’ riċessjoni internazzjonali u tensjoni mnebbha mill-Gwerra bierda. “Biex Marie-Louise Coleiro daħlet għal din il-kariga f’dan il-perjodu ċertament li kellha stonku b’saħħtu u deher mill-ewwel li fil-politika ma kinetx sempliċiment għasfur tal-passa.
L-għaqal tagħha jkompli wkoll fil-ħidma tagħha bħala President. Anthony Miceli Demajo jgħid kif “l-introduzzjoni ta’ kontroll rigoruz tal-finanzi u l-introduzzjoni ta’ għodod għal immaniġjar aħjar bħall-indikaturi ewlenin tal-effiċjenza kien ifisser li l-għanijiet qed jintlaħqu” (p.123).
Fi kliem Richard A. Matrenza:
“Il-President attwali hija mara qalbiena. Ġellieda għall-punt. Mhux aggressiva. Popolari. Mhux populista . Ix-xogħol tidħollu. Innovattiva” (p.86).
Mara b’qalb kbira
Bosta jafu li l-President Emeritus kellha qalb kbira. Mhux l-ewwel darba li rajna wkoll xi demgħa fuq għajnejha quddiem is-sofferenza ta’ xi persuna.
Iżda mingħajr ma nnaqqas xejn minn dan l-aspett uman ta’ Coleiro Preca, rrid norbot dan l-element ma’ dak politiku. Għaliex il-qalb tajba tagħha Coleiro Preca sarrfitha f’impenn biex tara li sseħħ ġustizzja soċjali. L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi jfakkar id-dibatti dwar il-liġi li waqqfet lill-MCESD (il-Kunsill-Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali); dik dwar ir-reviżjoni tal-liġijiet tax-xogħol; dik dwar il-Kummissarju tat-tfal; dik dwar id-drittijeit tal-persuni b’diżabbilta’; dik dwar il-qasam tas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol – u tant dibatti oħra fejn id-DNA soċjali tagħna kien ibaqbaq fuq kull konsiderazzjoni oħra” (p.67).
L-aspett tal-qalb kbira xtaqt inwaħħdu mal-impenn tagħha li tibqa’ qrib il-poplu. Għaliex Marie Louise Coleiro Preca tħobb lill-poplu Malti. U dan narawh wkoll fl-impenn tagħha li tqarreb il-Presidenza lejn il-Poplu. Biżżejjed insemmi l-imbuttaturi li ngħataw lill-Kitchen Garden u l-qrubja tagha mal-pazjenti (p.124). Dan l-impenn attiv Anthony Miceli Demajo jiddeskrivih bħala parir għalina li fi kliemu:
“M’għandniex inkunu tajbin biss meta nċemplu biex nagħtu d-donazzjoni tagħna lill-Istrina jew meta nibbukkjaw għar-Rokestra jew meta niġru jew nimxu sal-Belt Valletta fl-avveniment annwali ta’ ġbir ta’ fondi. Gandna nippruvaw inħobbu lill-ġirien tagħna bħalna nfusna kull ħin” (p.124).
Konklużjoni
Bix-xieraq illi l-konklużjoni għal dan l-artiklu nislitha minn dak li qal il-Present attwali ta’ pajjiżna l-Eċċellenza tiegħu Dr George Vella.
“X’ser jkun l-impatt li se tħalli fuq il-Presidenza? Iż-żmien jurina hu. Li naf żgur hu li Marie-Louise għadha mimlija enerġija u konvint li għad fadlilha ħafna x’tagħti lis-soċjeta’, speċjalment lil dawk fis-soċjeta’ tagħna li għandhom bżonn min jgħinhom, min jerfagħhom u min joffrilhom spalla biex jistgħu jgawdu kwalita’ ta’ ħajja aħjar” (p.198).
Iktar informazzjoni dwar dan il-ktieb tista’ tinkiteb minn fuq 21441604 jew .