Iben id-Dell

Awtriċi: Helen Borg
Pubblikazzjoni: Horizons

Il-kitba tar-rumanzi storiċi evolviet b’mod interessanti ferm f’pajjiżna u filwaqt li żammew l-istess karatteristiċi, qed ninnutaw fihom stili li aktar jirriflettu ż-żmien tal-lum.  

L-istorja titratta dwar tfajla jisimha Marija li fi dwejra ċkejkna, ltaqgħet mal-imħabba ta’ ħajjitha u minnha nibtet storja li baqgħet sejra għal aktar minn ħamsin sena. L-istorja hija ambjentata fl-1940 meta d-dinja kienet qed tiffaċċja waħda mill-agħar gwerer li qatt rat l-istorja. 

Marija toħroġ tqila qabel iż-żwieġ.  Il-familja tagħha ikunu irrabjati ħafna magħha imma bl-għajnuna ta’ qassis li jkun jaħdem fil-parroċċa tagħhom, Marija tmur tgħix ma’ familja Ħal Tarxien sa ma twelled it-tarbija.  Hawnhekk tinbet saga ta’ familja fi żmien l-imgħoddi 

 Fl-isfond tal-istorja tagħha, it-tieni gwerra dinjija tiħrax sew. Meta jitwieled it-tifel (ĠoĠo) tkun se tieħdu l-istitut imma il-familja fejn tkun welldet tirrifjuta u jrabbu lit-tifel huma. L-istorja tinqasam fit-tnejn, fuq naħa Marija li jkollha titgħallem tgħix ħajjitha mill-ġdid u fuq in-naħa l-oħra, it-tifel. Filwaqt li Marija tiżżewweġ u jkollha ulied oħra, Ġoġo jimrad bil-poljo u jgħaddi minn perjodu diffiċli ħafna f’ħajjtu. Il-ħajja ta’ Marija ukoll tieħu xeħta kerha meta titlef lil żewġha f’eta żgħira. Tiġġieled kontra s-soċjeta u tibqa’ ma tiżżewwiġx biex tkun tal-maħbub tagħha li kien ukoll missier Ġoġo. Ġoġo jitlef lil ġenituri addottivi tiegħu ta’ eta tenera imma jibqa jieħu ħsiebu Pawlu li kien ħuħ tar-rispett. Meta jikber isir iħobb tfajla li wara ftit niskopru li kienet fil-fatt oħtu mill-istess omm. Jinnegawlhom li jibqħu jiltaqgħu mingħajr ma jagħtuhom raġuni. Jgħaddi ż-żmien u Ġoġo jiltaqa’ ma’ tfajla minn Ħal Tarxien stess u jiżżewwiġha. Meta jkollu l-ewwel iben tiegħu, imur biex jurih lil ommu imma jispiċċa jagħtiha tgħajjira. Ħajjithom tibqa’ għaddejja sa ma Ġoġo jaqbdu kanċer u jmut qabel ma jagħlaq ħamsin sena. Malli tisma’ b’dan l-aħbar Marija, tieħu kedda kbira wisq u tibqa’ sejra sa ma tmut hi wkoll. Fil-funeral tagħha, it-tfal ta’ Marija isiru jafu b’ħuhom il-kbir, imma sadanittant ħadd ma jkun jaf min hu l-missier. Ftit wara li tindifen Marija, il-mara ta’ Ġoġo tirċievi ittra mingħand avukat b’informazzjoni dwar fejn hu midfun missier Ġoġo. Flimkien mal-mara ta’ Pawlu, imorru ifittxu u hemm isibu lill-Dun Anard midfun li kien il-qassis li kien għen u ħa ħsieb lil Marija tul ħajjitha.

Helen Borg twassal messaġġi sottili permezz tal-ħila lingwistika tagħha sbieħ ferm.  Nieħdu eżempju l-istess użu tad-dell.  Naraw kif Maria tmur tgħix fid-dell għad-dawl ta’ siġra.  Id-dell tas-siġra li jaħbi wiċċ il-maħbub tagħha.   Il-kitba hija mexxejja u l-kapitli huma qosra u jinbidlu malajr.  l-awtriċi tati ċerta dettalji tal-epoka interessanti mmens u tal-ħajja rustika.   Waqt li żżomm il-ktiba nadifa u tappella għal udjenzi varji Borg ma toqgħodx lura minn deskrizzjonijiet ftit espliċiti fosthom intimita’ sesswali, kif ukoll dawk emozzjonijiet qawwija bħal ngħidu aħna omm li mhux kapaċi tgħannaq lit-tfal tagħha stess u ngħid jien anke dawk id-deskrizzjonijiet kemxejn skomdi li jagħtu valur lill-ktieb għax talbu wkoll riċerka min-naħa tal-awtriċi .  Fost l-istil partikolari ta’ Borg jolqotni l-mod kif l-affarijiet jidhru mod u jkunu mod ieħor pero jkun hemm affarjjiet oħra li forsi ma nafuhomx u l-awtriċi tħallihom mistoqsija. 

Mill-istorja wieħed jinseġ ukoll bosta temi interessanti li huma relevnti għaż-żmien tal-lum.  Eżempju l-fatt li Marija flimkien mas-sieħeb tagħha ġġieldu kontra s-soċjeta’ ta’ żmienha.   Għandna l-element tat-tqala barra ż-żwieġ.  

Nistqarr li għall-ewwel dawn iż-żewġ kotba rajthom wisq għaż-żmien qasir illi kelli.  Pero’ meta bdejt naqra, tant huma miktubin b’mod mexxej u tant dħalt fl-istorja u ssaħħart bid-dettalji li din l-awtriċi tidħol fihom li ma tlaqtx dal-kotba minn idi.  U għad għandi bosta kurżitajiet li nixtieq nerġa’ ngħarrex forsi nsib soluzzjoni għalihom.  

Leave a Comment