Nitkellmu ma’ Charles Casha

F’isem it-Torċa ltqajt ma’ Charles Casha (1943 – ) biex niddiskutu l-50 sena ta’ kontribut li tana bi stejjer għal kull eta’.  F’dawn il-50 sena ħoloq diversi karattri magħrufa fosthom Fra Mudest.   Charles Casha ħadem fil-qasam tal-edukazzjoni.  Fl-2012 Casha ġie onorat bil-Midalja Għall-Qadi tar-Reppubblika.  Fl-2013 huwa ngħata wkoll Ġieh Ħaż-Żabbar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Fl-2014 huwa ngħata apprezzament mill-Għaqda Storika Kulturali Marsa għall-ħidma fil-qasam tal-letteratura Maltija. 

1. F’dawn il-50 sena inti tajtna bosta kotba: nibdew minn Fra Mudest li miss qalb kull tifel u adult, kotba għall-adolexxenti, għax irrid ngħid li inti kont wieħed minn tal-ewwel li tajtna kotba għal din l-età wkoll, u anke għall-adulti.  Nixtieq li l-qarrejja jifhmu li diffiċli nitkellmu dwar il-kotba kollha tiegħek u f’isem il-Paġna Letterarja tat-Torċa rrid nibda billi ngħidlek qabel xejn GRAZZI. 

Xtaqt nistaqsik fil-fatt kemm ippublikajt kotba u xtaqt ukoll nibda bil-ktieb “Jien ukoll għandi storja xi ngħid”, l-awtobijografija tiegħek.   X’wasslek għal dan il-ktieb li wara kollox jirrakkonta dak li sawwar lilek illum? 

T. Qabel xejn nixtieq nirringrazzjak ta’ din l-opportunità u nsellem lill-qarrejja ta’ It-Torċa. Tajjeb li ngħid li l-ewwel pubblikazzjoni tiegħi fl-1968 L-Għalqa fuq il-Għolja kienet tagħmel parti mis-sensiela Librerija Popolari – It-Torċa (nru 16).

Dwar in-numru ta` pubblikazzjonijiet, jekk tgħodd edizzjonijiet ġodda, addattamenti u traduzzjonijiet tal-kotba tiegħi, in-numru jlaħħaq 83. 

Domt ħafna intella` u nniżżel jekk kellix nikteb l-awtobijografija tiegħi, imma wara ħafna inkoraġġiment mill-ħabib tiegħi Sergio Grech (li wara għamilli daħla għaliha) bdejt niktibha. Ktibtha biex inħalli rigal-tifkira lil dawk li jiġu warajja u nerġa’ ngħix il-passat fi vjaġġ li qanqal ħafna tifkiriet sbieħ u koroh. Wara kollox il-kotba tiegħi (rumanzi, stejjer qosra u poeżiji) huma vjaġġ kontinwu li jibda minn nixxiegħa f’qasma fil-blat sa ma jintemm f’baħar fond.

2. “Papers in a tin box”, wieħed mill-aħħar kotba li inti ħriġt.   Irrid ngħid ukoll li laqtitni ħafna l-qoxra bil-kaxxa tal-landa fuqha. Dan huwa verżjoni bl-Ingliż ta’ “L-Appartament fir-Raba’ Sular” li ħareġ fl-2004.

Dwar dan il-ktieb ovvjament ser nistaqsik, imma xi jfisser għalik li dan il-ktieb tiegħek sar bl-Ingliż? Taqbel miegħi li ta’ min ifaħħar ukoll hawn il-biċċa xogħol kbira li għamlet Joan Mallia li ttraduċiet il-ktieb.

T. Din kienet ħolma li fl-aħħar saret realtà. Iva, Joan Mallia u l-editur tal-ktieb, Martin Bugelli għamluli biċċa xogħol eċċellenti. Ta’ min jgħid li verżjoni tal-istess ktieb dalwaqt tkun ippubblikata fl-Albanija, bl-Albaniż, bl-isem “Apartamenti në katin e katërt.” Dik il-kaxxa tal-landa li hemm fuq il-qoxra tal-ktieb darba kienet t’ommi u fiha kienet iżżomm il-ftit ritratti li kellna d-dar. Il-kaxxa għadha għandi u memorja tagħha. Huwa importanti li l-letteratura tagħna tinqaleb f’lingwi oħrajn u tkun esportata barra minn Malta. Il-fatt li dan ir-rumanz jista’ jinqara bl-Ingliż u bl-Albaniż, huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija għax il-kitba tiegħi m’għadhiex magħluqa f’din il-gżira ċkejkna tagħna.

3. “L-Appartament fir-Raba’ Sular”, ktieb li niżel tajjeb ħafna bħala ktieb għall-adulti u anke rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-ktieb.   Wieħed mill-istili tiegħek li ninnota f’dan il-ktieb huwa li tibni ċerta climax, eżempju li wieħed jista’ jaħseb, li Samwel huwa l-protagonista prinċipali tal-ktieb pero mbagħad jiżvolġu karattri oħrajn. Forsi nżid ukoll l-element tas-suspans. Għandna l-kaxxa tal-landa, it-tifel li jgħix waħdu, mara misterjuża li ċ-ċirkostanżi jlaqqgħuhom flimkien eċċ.  X’tgħidilna dwar dan l-istil?  U ma nafx taqbilx miegħi kieku kelli ninterpretah bħala rumanz psikoloġiku fejn naraw kif in-nies iġibu ruħhom ma’ xulxin. 

T. Jiena nagħti importanza kbira lill-karattri u ħafna drabi kollox jibda minn karattru wieħed u minnu tibda tiżvolġi l-plott u aktar tard jidħlu karattri oħrajn. Is-suspans inħobb nużah għalkemm mhux dejjem issibu fil-kotba tiegħi. Inħobb li fl-aħħar tal-istorja ngħaqqad kollox flimkien. Fil-kitba tiegħi nħobb immur mill-preżent għall-passat u lura. Dan huwa rumanz psikoloġiku li jittratta żewġ temi importanti: id-deċiżjonijiet li nieħdu fil-ħajja, li ħafna drabi jħallu konsegwenzi negattivi jew pożittivi fuq ta’ madwarna. Tema oħra hija l-għatx għall-imħabba taħt diversi forom. 

4. Karatteristika oħra li ninnota f’dan ir-rumanz huwa li toħloq paralelliżmu bejn żewġ stejjer u fl-aħħar mill-aħħar ser iwasslu għall-istess ħaġa li nista’ noħroġ ir-riflessjonijiet tiegħi ukoll li inti bħala awtur tixtieq tara dinja aħjar.  Jien jolqotni ħafna kif għandna lil Samwel fis-solitudini tiegħu u għandna mill-banda l-oħra wkoll lill-Kristina fid-dar tagħha.  Forsi nakkuntentaw aktar bl-affarijiet sempliċi tal-ħajja? 

T. Is-solitudni hija kerha imma xi kultant isservina ta’ fosdqa biex inħossuna aktar fi żgur u `l bogħod minn kull periklu. Nibnu ħajt għoli madwarna biex ħadd ma jippenetra l-privatezza tagħna. Però jibqa’ l-fatt li kultant is-sempliċità fil-ħajja tista’ tagħtina l-paċi u s-serenità. Jiddependi xi jkunu l-aspirazzjonijiet tagħna fil-ħajja.

5. Taħseb irridu naħdmu attivament, Charles biex inżommu ħajja l-imħabba? Fil-ktieb naraw dik ta’ Gwido li ma kienx iħobb lil martu. Però anke mhux f’relazzjonijiet, forsi mhux dejjem napprezzaw lil xulxin bħala bnedmin. 

T. L-imħabba tieħu diversi forom. Sfortunatament hawn min iħallat l-imħabba mas-sess. Is-sess hu parti mill-imħabba imma mhux l-imħabba nnifisha. Kull individwu, kemm jekk ikun f’relazzjoni jew le, irid jaħdem kontinwament biex jibni l-imħabba u jkompli jsaħħaha, kultant b’sagrifiċċji kbar. Gwido kien iħobb lilu innifsu aktar minn kollox. 

6. Għandna lil Samwel jiftakar f’ommu. It-tifkira x’relevanza għandha? 

T. Samwel qatt ma seta’ jifhem għala ommu kienet tittrattah b’dak il-mod. Għalih, ommu kienet qiegħda ftit ftit tkissirlu ħajtu, ċaħditu mil-libertà li kellu kull dritt għaliha u tellfitu li jibni relazzjoni ma’ mara li kien ħabb fi tfulitu. Mistoqsija iebsa u tidher bla tweġiba. Imma, il-karti fil-kaxxa tal-landa tawh it-tweġiba? Fl-aħħar tar-rumanz ix-xewqat tiegħu  donnhom se jsiru realtà. Imma  nistaqsi lill-qarrej: Taħseb li dak li ġara fl-appartament fir-raba’ sular kien realtà jew kienet biss fantasija? 

7. Fil-kitba tiegħek insibu temi li l-qarrej jiskomodawh. Temi li huma riflessjoni tal-ħajja ta’ kuljum: l-għira, ir-regħba, is-solutudini, ir-rabja. Qed jiġini f’moħħi l-ktieb ta novelli “Rakkonti Griżi”. Naturalment ma jonqsux temi oħrajn bħall-imħabba li anke jistgħu jkunu marbuta wkoll magħhom. X’tikkummenta dwar dawn it-temi li joħorġu partikolarment min-novelli tiegħek li nsibu f’dan il-ktieb? 

T. Dawn huma temi li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Jekk ma niktbux dwarhom ma nkunux realistiċi. Dawn it-temi u oħrajn daħħalthom mhux biss f’”rakkontigriżi”, imma wkoll f’”Burraxki” u “Stejjer Veri li Qatt ma Ġraw.” Jien inħobb nikteb fuq l-esperjenzi kemm tiegħi u kemm ta’  ħaddieħor. Il-karattri li noħloq irridhom ikunu fattwali u mhux immaġinattivi. 

8. L-għajdut tan-nies idejqek?  Qed ngħid dan anke b’referenza għal ktieb tiegħek ta’ novelli li kien iġib l-isem “Mit-Toroq tar-Raħal”. Dawn in-novelli għalkemm huma fittizji huma xprunati minn ġrajjiet li wieħed jisma’ fl-irħula tagħna. Forsi rrid ngħid ukoll li f’dan il-ktieb “Mit-Toroq tar-Raħal” donnok ridt tiċċelebra wkoll il-ħajja ta’ kuljum, ta’ Malti, il-ħajja ta’ nies komuni li qajla nisimgħu dwarhom fuq l-aħbarijiet jew li ser jimmarkaw l-istorja tagħna.  Imma hawn għandna wkoll l-istorja soċjo-kulturali tagħna wara kollox. 

T. “Mit-Toroq tar-Raħal” huwa edizzjoni ġdida u riveduta, tal-ktieb “Minn Tarf sa Tarf tat-Triq” li kien l-ewwel wieħed minn tliet kotba bi stejjer ibbażati fl-ambjent ta’ żmien tfuliti u xi karattri li bqajt niftakar. Naturalment hemm doża qawwija ta’ immaġinazzjoni imma fil-qiegħ kien hemm ix-xewqa li nerġa’ nagħti l-ħajja lil dawk il-karattri li fi tfuliti u żgħożiti kienu jtaffu xi ftit mill-monotonija tal-ħajja sterjotipizzata tar-raħal. Iż-żewġ kotba l-oħra, “Minn fuq l-għatba” u “Mill-Gallarija”  flimkien ma’ dan li semmejt, jiġbru sebgħin novella li jitfgħu dawl fuq il-ħajja soċjo-kulturali tas-snin ta’ wara l-gwerra. 

9. Meta naqra l-kitba tiegħek nistħajlek artist fuq tila u tpitter dak li tosserva.  Biżżejjed naraw it-titli ta’ ħafna kotba tiegħek.  “Fid-dar tal-kantuniera”, ngħidu aħna flimkien ma’ dawn li diġa semmejna.  Bħala awtur m’hemmx dubju li inti osservatur.  U d-dettal tinnutah ħafna wkoll.  Kemm dawn il-ġrajjiet u esperjenzi ta’ kuljum isawru dawn in-novelli u kitbiet fittizji? 

T. Kull artist juża mezzi differenti biex jesprimi  il-ħsus li hemm fih. Għalhekk irid josserva xi jkun għaddej madwaru u mbagħad jinterpretah skont il-kreattività tiegħu. Fil-fatt ħafna drabi, in-novelli, ir-rumanzi (u l-poeżiji wkoll) tiegħi m’humiex daqshekk fittizji imma aktar interpretazzjoni tar-realtajiet li kontinwament nosserva madwari b’attenzjoni għad-dettalji li għalija għandhom importanza kbira.

10. Inbidlu ftit is-suġġett.  Fost il-ħafna karattri li ser jibqgħu sinonimi tiegħek hemm Fra Mudest. Fil-fatt inti ktibt mal-110 rakkont ta’ Fra Mudest.  Inkredbbli.  F’idejja għandi l-50 sena ta’ Fra Mudest, li huma kollha stejjer ġodda.  Fra Mudest bniedem sempliċi, simpatiku, u f’dawn il-kotba nsibu bosta praspar ukoll.  Xtaqt ftit il-kumment tiegħek dwar dan il-karattru ħelu u anke s-suċċess ta’ dawn l-istejjer ukoll.  

T. Fra Mudest kien l-ewwel pubblikazzjoni tiegħi għat-tfal. Fil-fatt ħloqtu fl-1967 u sal-lum għadu maħbub u popolari. Huwa meqjus bħala ikona fil-letteratura għat-tfal. Ħa nikkwota silta minn ittra li ftit ilu kitibli il-Prof. Oliver Friggieri li tgħid kollox dwaru:

“inti wellidt karattru li llum sar famuż u emblematiku, u li nistħajlu, bħal Pinocchio, jimpika miegħek. Għandek tassew għalfejn  tkun hieni u kburi li rnexxielek tul dawn is-snin kollha twelled u tagħti lill-poplu Malti karattru li hu, daqskemm ma huwiex, tat-tfal. Persuna interġenerazzjonali li kiber/inti kabbartu ma` ġenerazzjonijiet `l hawn miċ-Children`s Own. Fil-persunaġġ tiegħek nara  Malti medju oriġinali, li jdaħħak u ma jifraħx dejjem, u li taħt l-inġenwita` tiegħu irnexxielek tinserixxi moħħ matur u qalb intensa. F`dan id-dawl fil-persunaġġ tiegħek hemm xi ħadd li hu u ma hux `modest`. Irnexxielek toħloq suċċessur modern ta` karattru klassiku, bħal Ġaħan, imma li hu wisq aktar kumpless u paraddossali minn Ġaħan.”

Imma għandi ktieb ieħor li bħal Fra Mudest għeleb il-prova taż-żmien. Qed nirreferi għal “Darbtejn insiru tfal” li ħareġ fl-1975 u għadu popolari kemm fl-iskejjel kif ukoll fuq l-ixkafef. Dawn l-istejjer fassalthom fuq żewġ karattri li kont naf sew – in-nanniet tal-mara tiegħi. Ħarġu erba’ edizzjonijiet tal-ktieb, kull darba nżidu l-istejjer li sal-lum huma dsatax-il waħda.

11. Xtaqt nistaqsik fuq żewġ kotba li min jaf kemm studjajt minn fuqhom u anke bħala għalliem bqajt inħeġġeġ lill-istudenti li jagħmlu użu minnhom: ”Kun af” u “Kemm taf.” Bħala għalliem, għaliex ħassejt li kellek tidħol f’dan il-qasam ukoll?

T. Bħala għalliem, dejjem ħassejt il-bżonn li jkollna aktar għodda biex ngħallmu l-ilsien Malti. U kien dan il-ħsieb li wassalni biex ktibt diversi kotba għat-tfal għal dan il-għan. 

Fl-2016, il-“Kun Af” reġa’ ħareġ taħt format għalkollox ġdid u edittjat. Ma’ dawn nixtieq insemmi l-ktieb “Il-kliem bħaċ-Ċirasa” (comprehensions) u l-kotba “Naqraw ma’ (“Reno u Sara,” “Marjo u Liza” u “Mark u Tanja”” – ippubblikati taħt format ġdid, disinji ġodda u tibdil fil-kontenut. Is-sena l-oħra bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, ħareġ il-ktieb tal-poeżiji għat-tfal “Kemm nixtieq li kelli l-ġwienaħ”. Għaxra mill-poeżiji ġew immużikati minn Sammy Galea u jinsabu fuq You tube.

12. Imma ma nistax ma nsemmix dawk il-kotba ta’ tfulitna u kemm memorji jġibulna. Qed nirreferi għal  “Avventura f’Għar il-kbir”,“Il-Misteru ta’ San Luċjan”,“Il-Misteru tal-Maqluba”. Dawn il-kotba l-istorja fittizja hija ambjentata f’xi post f’Malta li jeżisti tabilħaqq.  Dan huwa wieħed mill-modi kif teduka anke lit-tfal? 

T. L-avventura hija tema li dejjem kienet u tibqa’ favorita mat-tfal. U naħseb il-kbar ukoll. Għax wara kollox meta nsemmu t-thrillers ma jkollniex f’moħħna wkoll is-sens ta’ avventura? Ħajjitna wara kollox hija mimlija avventuri! It-tliet kotba li semmejt kienu popolari ħafna u għadhom għaddejjin fis-suq tal-kotba. Imma ippermettili nsemmi kotba oħra tal-fantasija fosthom “Ali Kali/Mammaroka” u “Pandolino/Galatea” li huma żewġ kotba f’wieħed. Oriġinarjament dawn kienu erba’ drammi (bil-kant) li jien ktibt għat-tfal tal-iskejjel u wara ddeċidejt li niktibhom f’narrattiva. Imma magħhom ma nistax nħalli barra l-ktieb “Il-Prinċep u t-Trogloditi.” Il-ġrajja ta’ fantasija mifruxa fuq 300 paġna, isseħħ f’dinja li jien stess ħloqt, b’pajjiżi, xmara, foresta u għoljiet. Takkompanja lill-qarrej, fil-ktieb hemm mappa li turi din id-dinja, xogħol ta’ ibni, Mark. Il-fantasija hija mħallta mar-realtà, b’karattri umani għall-aħħar. 

13. Charles inti wkoll poeta.  Forsi ninsew ftit minħabba l-ammont kbir ta’ rumanzi u novelli li tajtna kemm għat-tfal u kemm għall-adulti.  Imma naf ukoll li tikteb poeżija tajba.  Issib il-poeżija bħala mod ieħor kif inti tfisser ħsusek? 

T. Iva. Il-poeżija hija xi ħaġa differenti. Il-poeżija tiegħi hija konċiża, lirika u fuq kollox aċċessibli. Fiha wkoll il-mużikalità għax jien inħoss li din issebbaħ il-versi, li nistqarr miegħek ħafna drabi jiġu waħedhom, wara li nkun għaddejt minn xi esperjenza, sabiħa jew kerha, imma li tħalli impatt qawwi fuqi. 

14. Sfortunatament l-ispazju f’ġurnal huwa limitat Xtaqt insemmi fost oħrajn il-kotba taż-żgħażagħ bħal “L-ewwel darba li ħassejtek” li kien ukoll rebbieħ. Imma nitkellem miegħek lanqas il-gazzetta sħiħa ma sservina.  Ma nistax ma nistaqsikx imma tal-aħħar:  Xi pjanijiet għandek għall-futur? 

T. Bħalissa qiegħed naħdem fuq ktieb ta’ novelli ġodda u proġett ieħor ta’ traduzzjonijiet ta’ xi novelli tiegħi. Din is-sena nittama li nara ktieb ieħor ġdid għall-adolexxenti jieħu l-ħajja u bħal tarbija ġdida jkabbar il-familja ta’ kotba li bnejt f’dawn il-50 sena li għaddew.

Charles f’isem il-Paġna Letterarja tat-Torċa nirringrazjak ta’ dan il-ħin pero rrid ngħidlek ukoll Grazzi ta’ dawn il-kotba kollha li tajtna, li fiċ-ċokon trawwimna bihom, għexna magħhom, dħakna u bħala adulti nkomplu nsibu aktar kotba forsi ngħid jien riflessivi imma qari mexxej li jagħtik gost.  Grazzi mill-qalb. 

pdfresizer.com-pdf-resize

Leave a Comment