Awtur: Charles Briffa
Pubblikazzjoni: Horizons
Niftakar xi sentejn ilu, waqt li jien kont għadni fil-kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin, konna ħsibna biex norganizzaw serata flimkien mal-Akkademja tal-Malti, L-Għaqda tal-Malti (Universita’) u The Writers Club serata f’ġih Oliver Friggieri. Oliver Friggieri kien il-punt li għaqqad f’okkażjoni ngħid jien rari l-għaqdiet letterarji f’Malta f’serata f’ġiehu. Minkejja l-kariżmi differenti tal-għaqdiet u ħidmiet differenti, żgur li hemm qbil unanimu dwar il-kobor ta’ dan l-awtur u jistħoqqlu r-rispett tal-poplu Malti kollu. U xogħolijiet tiegħu huma wkoll apprezzati barra minn xtutna u dan jerġa’ jkompli jgħolli isem pajjiżna.
Min kellu x-xorti jiltaqa’ ma’ Oliver Friggieri, waqt li ma jiċħad xejn minn dak li għadni kif għidt, iżid li l-kobor ta’ dan il-bniedem huwa wkoll fl-umilta’ tiegħu. Il-Professur Oliver Friggieri ħadem għal bosta snin ma’ żgħażagħ li bdew il-kors universitarju, u kattar fihom l-imħabba għal-letteratura. Magħruf ma’ awturi li m’għandhomx edukazzjoni akkademika għolja iżda għandhom ħakma tajba tal-kelma u għaraf fihom dan it-talent u kompla saħħaħulhom. Kiteb mijiet ta’ riċensjonijiet għal kotba u ta pariri li m’għandiiex u ma naħsibx li ser ikollna informazzjoni dwarhom. Friggieri jaħdem ħafna fis-skiet u mingħajr daqq ta’ trombi.
L-introduzzjoni tiegħi hija sentiment ta’ ħafna imma kien jinħass il-ħtieġa wkoll ta’ ktieb riċerkat. Wieħed jifhem li jien ser nagħti biss ħarsa ħafifa tal-ktieb u mhux analiżi tax-xogħol kritiku ta’ Charles Briffa.
Il-ktieb huwa maqsum f’dawn il-kapitli: Oliver Friggieri bħala bniedem (p.9-42); Oliver Friggieri bħala Kritiku letterarju (p.43-78); Oliver Friggieri bħala artist (p.79-112); Oliver Friggiei bħala Poeta (p.113-166); Oliver Friggieri bħala traduttur (p.167-176); Oliver Friggieri bħala Rumanzier (p.177-248); Oliver Friggieri fuq CD (p.249-252); Oliver Friggieri fuq l-Iskrin (p.253-272); Bla Għeluq (p.273-274); Biblijografija (p.275-280); Il-ktibiet tal-awtur fuq Oliver Friggieri (p.281-284).
B’dan il-mod jidhirli li l-ktieb qed jagħti ħarsa komprensiva u b’mod sistematiku ħafna qed iħares lejn aspetti differenti mill-ħajja ta’ Oliver Friggieri.
Ibda billi jagħti siltiet mit-timeline ta’ Friggieri (p.9). Imbagħad jgħaddi għal parti semi-awtobijografika fejn Friggieri nnifsu jgħidilna dwaru. Din il-parti hija mehuda minn sorsi differenti, u tinqasam b’ħarsa lejn tfulitu (p.28), il-karriera tiegħu (p.34), il-letteratura tiegħu (p.36), u dwar il-familja tiegħu (p.38).
Bla dubju ta’ xejn Oliver Friggieri huwa wieħed mill-aqwa kritiċi letterarji f’pajjiżna u wara l-ħajja tiegħu Briffa jgħaddi biex janalizza dan il-kontribut ta’ Friggieri. Fl-analiżi tiegħu iħares lejn Friggieri b’dan il-mod: Storiku Letterarju (p.44), kittieb ta’ teorija letterarja (p.47), lessikografu letterarju (p.48), stilistiku (p.51), kritiku soċjoloġiku (p.54), bijografu letterarju (p.58), kritiku analitiku u deskrittiv (p.62), pluralist evalwattiv (p.69), innovatur lingwistiku (p.71).
Waqt li bosta qraw xogħlijiet ta’ Oliver Friggiri forsi ftit jafu jew raw xi tpinġijiet ta’ dan l-artist. Friggieri huwa artist komplet – fis-sens li huwa persuna li l-arti hija ħajtu. Jesprimi ħsusu mhux biss bi vrusu imma waqtiet anke b’xi tpinġija l-aktar bil-linka. Li għoġoobni f’dan il-kapitlu tal-ktieb (p.79-112) huwa li għandna kopja tax-xogħlijiet oriġinali tiegħu. Waqt li fil-ktieb m’għandiex kopja tal-kaligrafija ta’ Friggieri, b’dan it-tpinġijiet ċertament li jagħmel tajjeb għal dan. Li jolqtok żgur mal-ewwel f’dawn it-tpinġijiet hija d-devozzjoni li għandu Friggieri lejn il-Kurċifiss u anke l-ħajja rurali.
Ma jistax jonqos li fi ktieb bħal dan ma jkunx hemm analiżi relattivament twila (p.113-p.165). Ovjament nifhem li Briffa ried ikun konċiż ħafna anki hawn, meta wieħed iqis il-profondita’ u l-livell għoli ta’ dan l-awtur. Dan il-kapitlu jħares lejn Friggieri bħala “Poeta għall-poplu” (p.113), poeta li jservi l-ġensu (p.118), poeta li jemmen li Alla qed jimxi l-istess pass mal-bniedem u jħares lil dan il-ġens (p.121) u dwar dan jidħol aktar fid-dettal anke fil-livell ata’ filosofija nisranija li influwenzat ħafna lil dan l-awtur u ssawwar ix-xogħlijiet tiegħu. Fuq nota personali fl-fatt nara li forsi b’differenza bejn dan il-poeta u poeti oħra tal-Moviment Qawmien Letterarju kien li Friggieri waqt li iva kien kruċjali f’dan il-moviment imma xorta kkonserva fost oħrajn il-fidi u l-valuri li huma dominati fix-xogħlijiet tiegħu. Din hija l-interpretazzjoni tiegħi u mhux neċessarjaement taqbel ma’ dik tal-editur ta’dan il-ktieb. Iżda kif jgħid Briffa, “Friggieri ma jittrasurax dak li qiegħed jiġri madwaru” u l-ġrajjiet ewlenin iqishom bħala essenzjali fl-identita’ tagħna bħala Maltin b’poeżiji bħal “Settembru 1964”. Fl-istess ħin jitnikket għal ġrajjiet koroh li lkoll nixtiequ qatt ma ġraw bħal ma huma ta’ Karin u Raymond (p.114-115).
Oliver Friggieri huwa wkoll traduttur. “Għal Friggieri, traduzzjoni interlingwali hija studu krosskulturali. Iħaddem it-traduzzjoni fuq prinċpju ta’ relevanza għalih” (p.167).
B’rumanzi kbar bħal “L-istramb”, “Fil-parament ma jikbrux fjuri” u “It-tfal jiġu bil-vapuri” fost oħrajn Oliver Friggieri stabbilixxa ruħu bħala rumanzier ewlieni u nazzarda ngħid li anke dawk il-ftit li mhu familjari max-xogħlijiet ta’ dan l-awtur, semgħu b’dawn ir-rumanzi u forsi qrawhom ukoll. Anke f’dawn ir-rumanzi naraw l-aspett sekulari u uman ta’ Friggieri u fl-istess ħin ma jwarrabx lil Alla. Terġa’ u tgħid iħares lejn il-pajjiż sekulari li fiha iżda ma jonqosx dak li huwa reliġjuż li huwa wkoll parti mil-ambjent soċjo-kulturali tal-pajjiż.
Ix-xogħlijiet ta’ dan l-awtur mhux biss nistgħu ngawduhom permezz ta’ mezzi tradizzjonali jiġifieri bil-kitba, anke jekk ġew tradotti u ħarġu barra minn pajjiżna imma sabu posthom ukoll b’mezzi oħra fosthom pemezz tal-iskin u anke cd. Fil-fatt il-poeżiji ta’ Oliver Friggieri kienu l-ewwel xogħlijiet ta’ poeta Malti li ħarġu fuq CD. Ic-CD tikkonsisti f’29 poeżija moqrija minn Philip Farrugia Randon (p.249).
Anke min mhux midħla tax-xogħlijet ta’ Friggieri raw ir-rumanzi tiegħu It-tfal jiġu bil-vapuri fuq serje li ħarġet għat-televixin. Naturament kif jiġri fil-każ tal-filma, meta jiġu adattati minn kotba, jkun hemm differenzi minn dak li jkun hemm miktub għal viżwal. Fil-media viżiva jsir enfasi wkoll fuq dak li naraw, ħafna drabi aktar konċiżi billi jitħallew barra dettalji anke jekk dawn jista’ jkun li narawhom ħafif ħafif. Briffa jagħmel analiżi dwar id-differenzi bejn il-film u r-rumanz. Naraw kif waqt li fil-film huwa fil-ħanut tax-xorb fejn ixerrdu x-xnigħat, fir-rumanz dwn jiġru mar-raħal kollu. Naraw ukoll li fil-film donnha l-mara Saverja (maħduma minn Natalie Micallef) aktar topponi ill-missier bil-miftuħ waqt li fir-rumanz hija aktar kalma (p.264).
(Paġna Letterarja 23 ta’ Lulju 2017)